Eleanor Bezzina rebħet lil Malta l-għaxar midalja tad-deheb f’din l-edizzjoni tal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar meta rebħet il-finali tat-10m Air Pistol. B’hekk iddefendiet l-istess midalja tad-deheb mirbuħa erba’ snin ilu fil-Montenegro.
Kienet finali mimlija emozzjonijiet li rat lil Bezzina turi kalma liema bħala u hekk kif it-tiraturi bdew jinqalgħu waħda wara l-oħra hija spiċċat f’konfront finali mal-atleta minn Monaco Magali Pierre Forest. Kien dwell kumbattut ħafna li finalment ra lil Bezzina toħroġ rebbieħa b’total ta’ 229,4 kontra 226,7 tal-avversarja.
Għal Eleanor Bezzina dik tal-lum kienet it-tielet midalja tad-deheb minn kemm ilha tieħu sehem fil-Logħob tal-Pajjizi z-Zgħar.
Illum ukoll kellna l-finali tal-kompetizzjoni Trap fejn f’dik tal-Irgiel James Galea irnexxielu jgħaddi għal ma’ l-aħħar sitta iżda safa’ eliminat. Il-kompetizzjoni intrebħet minn GianMarco Berti ta’ San Marino, li huwa wkoll rebbieħ ta’ midalja olimpika fl-aħħar edizzjoni tal-logħob olimpiku.
Fil-kompetizzjoni Trap tan-Nisa il-maltin Mikaela Galea u Mariah Busuttil ukoll għaddew għall-finali iżda ma rnexxielhomx jaslu mal-ewwel tlieta.