Il-Eurovision Song Contest tas-sena d-dieħla se jkun qed isir f’Malmö.
Dan tħabbar mill-European Broadcasting Union wara taqbida bejn erbat ibliet Żvediżi biex jiksbu d-dritt li jilqgħu l-Eurovision ta’ Mejju li ġej.
Fit-taqtiegħa kien hemm ukoll il-kapitali Stokkolma, Örnsköldsvik u Gothenburg.
Din hija t-tielet okkażjoni għal Malmö li tilqa’ l-Eurovision wara li għamlet dan fl-1992 u fl-2013.
Inċidentalment l-aħħar darba li Malmö għamlet dan kien wara r-rebħa wkoll ta’ Loreen, dak iż-żmien bil-kanzunetta Euphoria.
Il-Eurovision tas-sena d-dieħla se jsir f’Malmö Arena fejn seħħ il-Eurovision fl-2013 u l-belt fin-Nofsinhar tal-Iżvezja hija biss ftit minuti ’l bogħod mill-pont Øresund li jgħaqqad l-Iżvezja mad-Danimarka.
Il-Eurovision li ġej se jsir fis-7, 9 u 11 ta’ Mejju, bl-ewwel żewġ serati jkunu semi-finali u l-aħħar serata tkun il-final tal-Eurovision Song Contest 2024.
Loreen kitbet l-istorja meta f’Liverpool saret l-ewwel mara li rebħet il-Eurovision darbtejn u tat is-seba’ rebħa għall-Iżvezja li issa laħqet l-Irlanda bl-akbar total ta’ rebħiet fil-Eurovision.
Sena oħra mistennija tkun is-36 dehra ta’ Malta fil-Eurovision.
Din is-sena Malta klassifikat fl-aħħar post fl-ewwel semi-finali tal-Eurovision bil-grupp The Busker u l-kanzunetta Dance (Our Own Party).
Fiż-żewġ okkażjonijiet li l-Eurovision sar f’Malmö, Malta kisbet riżultati tajbin ħafna, fl-1992 Mary Spiteri b’Little Child ġiet fit-tielet post u fl-2013 Gianluca Bezzina kiseb it-tmien post bil-kanzunetta Tomorrow.