Wara l-għeluq mill-għaxar sena fix-xena mużikali l-kantant popolari Malcolm Pisani nieda l-ewwel kanzunetta tiegħu bil-Malti, kanzunetta speċjali ħafna u ddedikata għall-belt kapitali tagħna l-Belt Valletta.
Malcolm min dejjem kellu l-ħsieb u x-xewqa li l-belt kapitali għandha jkollha kanzunetta ddedikata speċifikament għaliha u b’hekk wara li din is-sena l-Belt qed tiċċelebra t-titlu bħala l-Belt Kapitali Ewropea hu ddeċieda li din għandha tkun is-sena ideali biex din il-ħolma tiegħu ssir realtà.Il-proġett tiegħu ġie diskuss mas-Segretarju Parlamentari Deo Debattista fejn hu ħeġġu mill-qalb biex jibda minnufih.
Malcolm Pisani avviċina lil Cyprian Cassar u lil Emil Calleja Bayliss biex flimkien miegħu jaħdmu fuq din il-kanzunetta u joħorġu l-aqwa elementi biex tkun diska unika u ta’ suċċess.
Instrument prominenti f’din il-kanzunetta hija bla dubju it-trumbetta – grazzi għal Adrian ir-Russu nistgħu ngħidu li ‘VALLETTA’ taha kulur li verament jixirqilha u daqqa ferriħija.
Sabiex ‘VALLETTA’ tkun kompluta nħadem vidjow mużikali fil-Belt stess, dan il-vidjow ġie maqsum f’erbat ijiem fejn fih ħadu sehem numru ta’ żeffiena u żewġt mużiċisti.
L-iskop u l-ħsieb wara dan kollu huwa li noħorġu l-aspetti prinċipali ta’ Beltna bħall-arkitettura, il-monumenti, il-kultura, l-istorja u d-divertiment.
Dan il-vidjow huwa mmexxi fuq direzzjoni ta’ Emanuel Pace, filmati u muntaġġ Clive Pace, assistenza Rita Pace fuq produzzjoni ta’ Malcolm stess.