Malcolm Cutajar inħatar bħala l-Assistent Kummissarju għar-Refuġjati mill-Prim Ministru Joseph Muscat, b’konsultazzjoni mal-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali, Carmelo Abela.
Qabel il-ħatra tiegħu, is-Sur Cutajar kien jokkupa l-kariga ta’ Asylum Determination Officer u aktar tard f’Awwissu tal-2012 inħatar bħala Case Officer fl-Uffiċċju tal-Kummissarju għar-Refuġjati. Minn Jannar 2016, is-Sur Cutajar kien involut f’kariga għolja ta’ dan l-Uffiċċju u fit-tħejjija għall-Presidenza Maltija tal-Kunsill Ewropew.
Fil-preżent huwa espert nazzjonali nnominat fuq waħda mid-dossiers li qed jiġu diskussi fil-livell tal-UE, u jokkupa wkoll il-kariga ta’ Viċi President tal-Grupp ta’ Ħidma tal-Ażil dwar il-proposti maħruġin mill-Kummissjoni Ewropea permezz tat-tieni pakkett għar-riforma tas-CEAS. Il-Grupp ta’ Ħidma tal-Ażil se jkun ippresedut mill-Presidenza Maltija sal-aħħar ta’ Ġunju 2017.
Cutajar iggradwa mill-Università ta’ Malta fl-2008 u għandu B.A. (Honours) fir-Relazzjonijiet Internazzjonali. Wara dan, huwa kompla l-istudji tiegħu fil-qasam tar-Relazzjonijiet Internazzjonali billi ġab il-Masters mill-Università ta’ Malta fl-2012. Huwa espert ukoll fuq il-Lvant Nofsani, l-Afrika u l-Afganistan.
Malcolm Cutajar aċċetta din ir-responsabbiltà biex flimkien mal-Kummissarju għar-Refuġjati, Dr Martine Cassar, jassiguraw ukoll il-proċess tal-eliġibbiltà b’mod indipendenti, ġust, effiċjenti u rapidu filwaqt li, fl-istess ħin, jiggarantixxu l-aħjar kwalità possibbli fid-determinazzjoni tal-applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali.
L-Uffiċċju tal-Kummissarju għar-Refuġjati, immexxi mill-Kummissarju għar-Refuġjati, hu responsabbli biex jirċievi l-proċessi u li jiddetermina l-applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali f’Malta kif stipulat mill-Att tar-Refuġjati. L-istess Kummissjoni tipprovdi appoġġ fejn meħtieġ lill-Presidenza Maltija tal-Kunsill Ewropew.