“Mal-Partit Laburista taf fejn qiegħed hekk kif qed iressaq quddiem il-poplu Malti u Għawdxi pjan li se jwassal lill-pajjiż għal futur isbaħ.”
Iddikjarat dan il-President tal-Partit Laburista Ramona Attard waqt il-programm Awla f’Pembroke, fejn hawnhekk innutat id-differenza bejn iż-żewġ partiti.
Dr Attard qalet kif fl-ewwel sigħat tal-kampanja elettorali, il-Partit Laburista ħabbar bosta proposti kruċjali li se jagħmlu differenza pożittiva f’ħajjet l-anzjani, iż-żgħażagħ, il-familji u anke n-negozji.
Hawnhekk hija nnutat kif in-nies qed jaraw kuntrast kbir bejn iż-żewġ Partiti, fejn min-naħa għandek il-Partit ta’ Bernard Grech li huwa diviżiv u l-Partit Laburista li għandu pjan ċar u ambizzjuż għal dan il-pajjiż.
Dr Attard spjegat kif mal-Partit Laburista taf fejn qiegħed, anke għal fatt li dak li qed iressaq quddiem l-elettorat Malti, għandu l-kreddibilità li jwettqu.
Il-President tal-Partit Laburista qalet ukoll kif il-ħaddiema u n-negozji jafu wkoll li kien Gvern Laburista li f’pandemija ma waqafx jinvesti u jkun ta’ sostenn għalihom b’bosta miżuri li nieda.
Qalet, “Iż-żmien li ġej se jkun żmien importanti, fejn hemm bżonn li l-pajjiż ikun maqgħud ejja ma nħallux din il-kampanja elettorali tifridna, ejja ma nħallux id-diskors ta’ ftit nies jifridna għax hu importanti li nibqgħu lkoll flimkien ikkonċentrati fuq l-aħjar interess tal-poplu Malti u Għawdxi.”
Waqt il-programm Awla, ippreżentat minn Luke Dalli, ħadu sehem fid-diskussjoni wkoll is-Sindku ta’ Pembroke Dean Hili, il-Kap Eżekuttiv ta’ Tech.mt Dana Farrugia, il-Konsulent u Ġinekologu Marc Sant u Chris Debattista li huwa sajjied.
Dawn ilkoll tkellmu kif il-proposti mill-Manifest Elettorali tal-Partit Laburista huma pożittivi u li żgur se jtejbu l-kwalita tal-ħajja ta’ bosta.
Waqt l-intervent tiegħu il-Ġinekologu Marc Sant innota wkoll kif dak li qed iwiegħed Bernard Grech fejn jidħol l-IVF ġa qiegħed iseħħ u li kliemu qed ikun insensittiv għall-bosta nies.