Għaxart ijiem qabel l-elezzjoni ġenerali, mal-Partit Laburista, il-pensjonanti jafu fejn qegħdin u mal-Partit Nazzjonalista m’għandhom ebda garanzija.
Dan kien il-messaġġ f’konferenza tal-aħbarijiet tal-Partit Laburista, indirizzata mid-Deputat u Whip tal-Grupp Parlamentari Laburista, Glenn Bedingfield u l-Ministru għall-Ġustizzja Soċjali, Michael Falzon.
Glenn Bedingfield fakkar kif kien Gvern Laburista li neħħa l-friża mill-pensjonijiet li kienet ilha għal ġenerazzjoni sħiħa. Fakkar kif fl-ewwel leġislatura, Gvern Laburista tejjeb il-pensjoni minima u tar-romol u f’din il-leġislatura bdiet tingħata żieda lill-pensjonanti kollha u tranġaw diversi anomaliji li kien hemm matul is-snin.
Spjega li f’waħda mill-verżjonijiet tal-manifesti elettorali tal-Partit Nazzjonalista, hemm diversi wegħdiet li diġà twettqu minn Gvern Laburista jew ilhom jitħaddmu għal numru ta’ snin u minnhom gawdew eluf ta’ pensjonanti.
Għaldaqstant, il-Partit Nazzjonalista mhu qed iwiegħed xejn ġdid għaliex qed iwiegħed biss affarijiet li ma jistax iwettaq għax diġà qed iwettaqhom dan il-Gvern.
Qal, “Issa aħna qed ngħidulhom ċar b’kemm se jiżdiedu l-pensjonanti jekk Robert Abela jingħata mandat għaxart ijiem oħra, qed ngħidulhom bl-eżatt. Ħmistax-il ewro fil-ġimgħa, il-COLA u l-mekkaniżmu tal-COLA però issa qed jgħidulna li jekk tgħidu kemm se jiżdiedu, għax huma mhux kapaċi jgħidu, għaliex lanqas jistgħu jżommu mal-wegħda. Qabel konna ngħidu jiksru l-wegħda wara l-elezzjoni, illum iwegħdu u jiksru l-wegħda tagħhom qabel immorru nivvutaw.”
Il-Ministru għall-Ġustizzja Soċjali, Michael Falzon qal li l-Partit Nazzjonalista għadu bil-politika tal-passat fejn jidħlu l-pensjonijiet.
Spjega kif matul din il-kampanja elettorali, jispikkaw mumenti meta l-Partit Nazzjonalista dejjem jitkellem fuq il-passat. Fakkar kif il-passat tal-Partit Nazzjonalista jfisser li f’aktar minn għoxrin sena, il-pensjoni ma żdiedet qatt u saħansitra kien hemm żmien meta l-anzjani tagħna lanqas kienu jingħataw iż-żieda kollha tal-għoli tal-ħajja.
Il-Ministru Falzon qal li din is-sena, il-pensjonanti qed jieħdu s-seba’ żieda konsekuttiva fil-pensjoni tagħhom u qed isir impenn ċar biex ikomplu jingħataw ir-rispett u d-dinjità li tixirqilhom b’żidiet fil-pensjoni tagħhom u għotjiet oħrajn.
Huwa semma l-għotjiet li qed jieħdu u se jibqgħu jieħdu l-pensjonanti ma’ Gvern Laburista mingħajr terms & conditions bħall-COLA sħiħa, mediċini b’xejn, twessigħ tal-eliġibilità għall-benefiċċju tal-enerġija u internet b’xejn.
Qal, “Il-passat jista’ jkun il-mera tal-futur u għalhekk l-anzjani tagħna, l-unika futur li qatt jista’ jkollhom mhux ma’ min qatt ma żidilhom il-pensjoni, mhux ma’ min kien jinsultahom u jgħidilhom li jekk ma jsibx il-mediċina, qisek ma sibtx bott piżelli għand il-grocer. Il-futur tal-pensjonanti tagħna huwa fi ħdan il-Partit Laburista. Kien dan il-Partit li mhux biss bnejna fuq il-pensjonijiet, daħħalna miżuri ġodda u aħna m’hemmx terms and conditions. Magħna m’hemmx kundizzjonijiet. Magħna dejjem taf fejn int.”