Filwaqt li drajna nirrapportaw kif pajjiżna jinsab fuq quddiem nett tal-Ewropea f’setturi bħal qasam tal-impjiegi fis-settur tal-innovazzjoni ninsabu taħt il-medja Ewropea.
Kinet il-Kummissjoni Ewropea ħarġet ir-riżultati li wrew li l-innovazzjoni tal-Unjoni Ewropea qed tilħaq lil dik tal-Ġappun u tal-Istati Uniti, l-Iżvezja għal darb’oħra tinsab fl-ewwel post, u l-Latvja saret il-pajjiż fejn l-innovazzjoni qed tiżviluppa bl-aktar pass mgħaġġel.
Dwar pajjiżna qed jingħad li s-sena d-dieħla s-sitwazzjoni mistennija titjib. “Fis-sentejn li ġejjin il-prestazzjoni tal-innovazzjoni tal-UE mistennija titjieb. Il-maġġoranza tal-kumpaniji beħsiebhom iżommu jew iżidu l-livell ta’ investiment fl-innovazzjoni fis-sena li ġejja. In-negozji fir-Rumanija, Malta u l-Irlanda x’aktarx li jżidu l-investiment tagħhom fl-innovazzjoni s-sena d-dieħla,” qalet il-Kummissjoni Ewropea.
Elżbieta Bieńkowska, il-Kummissarju għas-Suq Intern, l-Industrija, l-Intraprenditorija u l-SMEs, qalet: “Irrid li l-Ewropa tkun post fejn l-SMEs u n-negozji ġodda innovattivi jiffjorixxu u jikbru ġewwa s-Suq Uniku. Biex dan iseħħ jeħtieġ sforz kollettiv.
“Fil-livell tal-UE, neħtieġu li nissimplifikaw r-regolamentazzjoni tal-VAT, nadattaw ir-regoli tal-insolvenza, noffru aktar aċċess għall-informazzjoni dwar ir-rekwiżiti regolamentari u naħdmu fuq qafas ta’ proprjetà intellettwali ċar u li jiffavorixxi l-SMEs. Hemm bżonn ukoll li nibqgħu nadattaw is-Suq Uniku biex niżguraw li s-servizzi innovattivi bħall-ekonomija kollaborattiva jsibu posthom”.
Carlos Moedas, il-Kummissarju għar-Riċerka, ix-Xjenza u l-Innovazzjoni, qal: “Il-pajjiżi u r-reġjuni ewlenin qed jagħtu appoġġ lill-innovazzjoni fuq firxa wiesgħa ta’ politiki, mill-investiment sal-edukazzjoni, minn kundizzjonijiet tax-xogħol flessibli sal-iżgurar tal-amministrazzjonijiet pubbliċi li japprezzaw l-intraprenditorjat u l-innovazzjoni. Il-Kummissjoni qed tagħmel il-parti tagħha billi ġġib ‘il quddiem l-innovazzjoni fl-oqsma ta’ poilitika wkoll.
“Barra minn hekk, qed intejbu wkoll l-aċċess għall-finanzjamenti privati permezz tal- €Pjan ta’ Investiment għall-Ewropa u l-Unjoni tas-Swieq Kapitali ta’ 315-il biljun, kif ukoll ħloqna Kunsill għall-Innovazzjoni Ewropew ġdid.”
Corina Crețu,il-Kummissarju għall-Politika Reġjonali, qalet: “L-istrateġiji ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti jgħinu lill-Istati Membri u lir-reġjuni jikkapitalizzaw fuq l-assi kompetittivi tagħhom fir-Riċerka u l-Innovazzjoni u jsibu opportunitajiet għall-kooperazzjoni bejn in-negozji u l-qasam akkademiku. Fil-fatt huma jservu ta’ boxxla għall-investimenti fit-tul u innovattivi li għandhom l-appoġġ tal-Fondi SIE u, meta jkun possibbli, sorsi oħra ta’ finanzjament tal-UE. Dan jikkontribwixxi bil-bosta biex l-Ewropa tersaq lejn ekonomija bbażata fuq l-għarfien”.