- JAQBAD ĊERTU RITMU L-PROGRAMM TA’ RILOKAZZJONI
- ESPERJENZI LI JGĦALLMU MINN MIN JAĦDEM FIL-QALBA TAL-ISFIDA
“Fejn se mmorru? Meta? Se mmorru l-Ewropa?” Dawn huma wħud mill-mistoqsijiet li jistaqsu immigranti, li jkunu daħlu l-Ewropa, lil Luca Caramagna, case worker Malti stazzjonat l-Italja; wieħed mill-pajjiżi minn fejn qed ikunu rilokati l-immigranti.
Dan bħala parti mill-programm ta’ rilokazzjoni tal-Unjoni Ewropea, programm li qed jara li jkunu rilokati 160,000 immigrant mill-Italja u 190,000 immigrant li bħalissa jinsabu l-Italja u l-Greċja.
Iż-żjara ta’ Luca Caramagna f’pajjiżna kienet ta’ ftit jiem u dan sabiex janalizza kif qed titħaddem is-sistema ta’ rilokazzjoni f’Malta, f’liema fażi daħal il-proġett u l-koperazzjoni li qed issir mill-awtoritajiet Maltin.
Mal-gazzetta KullĦadd Luca Caramagna stqarr li meta mqabbel ma’ stati membri oħra tal-Unjoni Ewropea l-koperazzjoni li qed joffri pajjiżna hija fuq quddiem.
“Il-programm qabad ritmu tajjeb. Għall-bidu beda miexi bil-mod minħabba li kien għadu fil-parti inizjali tiegħu u sakemm taqbad art ma kinitx faċli, imma issa nista’ ngħid li qabad ritmu sew.
Fuq livell Ewropew nista’ ngħid li sar progress fil-mod kif jiġi kkordinat il-programm. Madanakollu, hemm ħafna sfidi li għad iridu jkunu indirizzati u dan għax hemm ħafna dipartimenti involuti.
Trid tqis li dan huwa l-ewwel proġett ta’ din ix-xorta. Is-sehem ta’ Malta fil-proġett huwa tajjeb ħafna tant li bil-kwota milħuqa s’issa t’immigranti li ġew rilokati, Malta tinsab fit-tieni post minn fost il-kumplament tal-pajjiżi membri. Dan ifisser li huwa fost l-iktar pajjiżi li qed juru koperazzjoni,” qal Caramagna.
Huma bosta dawk li għandhom l-impressjoni li l-programm ta’ rilokazzjoni qiegħed jifred familji u qraba. Iżda, Caramagna sostna li mhuwiex il-każ, anzi għall-kuntrarju qed iservi t’għajnuna biex dawk li nfirdu qegħdin jingħaqdu.
Mal-gazzetta Kullħadd, Caramagna qasam magħna żewġ sitwazzjonijiet fejn familji li nfirdu reġgħu ngħaqdu.
“Mill-esperjenza tiegħi kien hemm iktar każi fejn iktar ingħaqdu familji milli sseparaw. F’każ minnhom kellna applikant ġej mil-Libja u fi triqtu tah attakk tal-qalb u spiċċa pparalizzat. F’dan il-każ bl-għajnuna tal-interpreti, tat-tobba u ta’ Facebook sibna l-familjari tiegħu li kienu jinsabu l-Ġermanja. Niżlu l-Italja, iddeċiedew jieħduh magħhom u minħabba l-istat ta’ saħħa li kien fih mar il-Ġermanja b’ambulanza li telqet minn Sqallija.
“Każ ieħor kien ta’ omm u bint. Tifla tellgħuha fid-dgħajsa qabel l-omm filwaqt li l-omm telgħet f’dgħajsa oħra bil-konsegwenza li nfirdu. Id-dgħajsa li fuqha kien hemm it-tifla marret Sqallija u d-dgħajsa li fiha kien hemm l-omm marret Sardinja. Hawnhekk dħalna aħna l-esperti nazzjonali li qed nassistu lill-Gvern Taljan. Tajna l-għajnuna neċessarja, identifikajna s-sitwazzjoni u l-omm u l-bint iltaqgħu Ruma. Minn Ruma mbagħad marru għad-destinazzjoni tagħhom.”
Programm li sab saqajh
Il-programm ta’ rilokazzjoni huwa l-ewwel wieħed tax-xorta tiegħu u dan għax jinvoli l-involviment ta’ kull pajjiż membru.
“Il-programm huwa estensiv tant li jinvolvi għadd kbir t’organizzazzjonijiet u għalhekk ma kinitx faċli biex wieħed mill-ewwel jifhem l-irwol tiegħu u x-xogħol li jrid jagħmel. Issa li għaddiet kważi sena minn mindu beda l-programm, għandna viżjoni iżjed ċara ta’ fejn trid tasal l-Unjoni Ewropea bil-programm,” jargumenta.
Iżid li wieħed irid iqis li kienet sistema ġdida għall-Gvern Taljan u għalhekk ma kinitx faċli sakemm ittieħdu deċiżjonijiet importanti fosthom billi ġie ifformalizzat aħjar il-mod li bih immigrant jirreġistra għall-programm.
“Biex il-Gvern Taljan dara s-sistema kellu bżonn numru ta’ esperti mill-pajjizi membri tal-Unjoni Ewropea li kienu jiġu u jgħallmuhom. Hawnhekk kienet sfida. Fil-każ ta’ Malta l-esperti li bagħtet kienu esperti li mhumiex limitati fuq naħa waħda biss tas-suġġett imma kienu familjari ma’ dipartimenti oħra u dan għax kellhom esperjenza biżżejjed f’dan il-qasam,” spjega Caramagna li żied li ma’ dan hemm sfidi oħra fosthom il-komunikazzjoni mal-immigrant.
“Mal-immigranti nikkomunikaw permezz tal-interpreti. Ftit huma l-immigranti li jitkellmu bl-Ingliż u anke jekk jafu bl-Ingliż ma jitkellmuhx xorta għax iħossuhom insikuri. Ninnutawha ħafna li jħossuhom iżjed komdi jitkellmu ma’ xi ħadd li jaf il-lingwa tagħhom,” iżid jirrimarka.
Immigranta li se tibqa’ f’moħħu
Anke għal min bħalu esperjenzi kellu bil-gzuz hemm uħud li jibqgħu f’moħħu. “Iltqajt ma’ ħafna esperjenzi, waħda minnhom ħa tibqa’ miegħi għax tgħallimt jien ukoll. Kien hemm każ ta’ persuna li kienet aggressiva ħafna, lejna, lejn il-proġett, lejn kollox. Indunajt li lil din il-persuna kelli nitrattaha differenti, mhux bil-prietki tas-soltu. Iddeċidejt li ridt nifhem lill-persuna.
Skoprejt li hija gradwata, għaddiet minn ħafna u l-aggressività li kienet qed turi kienet ta’ rabja, frustrazzjoni u diżappunt. Niftakarha li kienet rasha iebsa ma riditx tapplika għall-programm. Għaliex l-immigranti mhumiex obbligati li jagħmlu dan.
It-tfajla baqgħet tinsisti li ma riditx sakemm fl-aħħar ġurnata li konna ħa nagħlqu l-uffiċċju ġiet tavviċinana u rreġistrat. Niftakarni kont għedtilha li l-parir biex tirreġistra ma kienx parir minn uffiċjal imma minn ħabib. Il-ħolma tagħha kienet li tmur il-Finlandja. B’xorti tajba spiċċat il-Finlandja,” irrakkonta Caramagna.
Caramagna spjega kif il-proġett jinvolvi wkoll organizzazzjonijiet non-governattivi, li anke jekk għandhom rwol sekondarju, huma kruċjali biex jagħtu informazzjoni minħabba l-ammont kbir t’immigranti li mhux faċli jintlaħaq.
Fis-sena minn kemm ilu stazzjonat l-Italja, Luca Caramagna qal li għalkemm għad hemm ċertu reżistenza lejn il-programm, aktar ma jgħaddi ż-żmien qiegħed jinnota kif l-atitudni ta’ stati membri qiegħda tinbidel. “Maż-żmien membri stati qed jifhmu li dan hu suġġett li jolqot lil kulħadd. Qed jifhmu li kulħadd qed jaffaċċja l-istess sfidi u dan għaliex il-proġett jinvolvi esperti mill-istati membri kollha tal-Unjoni Ewropea.”
Caramagna kien realistiku fi kliemu. Fisser kif il-programm ta’ rilokazzjoni li għaddej bħalissa hu wieħed biex itaffi ftit mill-isfida li l-Ewropa affaċċjat is-sena li għaddiet; l-influss kbir t’immigranti li daħlu jfittxu kenn fl-istati membri. Influss li seħħ partikolarment kawża tal-gwerra ċivili fis-Sirja. Għal li ġej jaf ma jkunx soluzzjoni.
“Il-problemi fil-futur ma tistax tipprevedihom. Ma tistax tgħid xi gwerra tista’ tinqala’. Irridu naħdmu skont il-mument,” temm jgħid Caramagna..