Il-Kap Nazzjonalista Bernard Grech qed jinsisti li s-Sindku tan-Naxxar Anne Marie Muscat Fenech Adami għandha tirriżenja.
Dan wara li l-Kummissjoni Dixxiplina u Etika tal-Partit Nazzjonalista ħelset lil Muscat Fenech Adami fuq allegat kunflitt ta’ interess dwar proġett fin-Naxxar.
Dan l-iżvilupp li għaddiet tas-Sindku Naxxarija u Bernard Grech kellu jbaxxi rasu nżamm mistur minħabba li l-affari tidher kerha ħafna, speċjalment fi żmien elezzjoni.
Dan għaliex Bernard Grech ħareġ ta’ tellief fuq kwistjoni ma’ Sindku.
Dan l-iżvilupp fil-fatt ma ġiex ikkomunikat lill-midja iżda ma jistax jingħad l-istess għal meta Bernard Grech kien talab lis-Sindku tirriżenja, tant li anki stqarrija kien ħareġ.
Ma’ ONE News, it-Tlieta filgħodu Bernard Grech insista li s-Sindku tan-Naxxar għandha tirriżenja u wera biċ-ċar li ma qabilx mad-deċiżjoni li ħadet Kummissjoni fil-partit li jmexxi hu stess.
Evidentament skomdu li ħarġet l-aħbar li wrietu kemm hu Kap dgħajjef u li jfajjar bl-amment, wara li s-Sindku tan-Naxxar kienet sfidatu u akkużatu b’logħob politiku mhux ibbażat fuq il-fatti, Bernard Grech baqa’ jinsisti li s-Sindku Nazzjonalista tan-Naxxar kellha titlaq.