L-Erbgħa filgħodu kompliet il-kumpilazzjoni tax-xhieda kontra Liam Debono ta’ sbatax-il sena, b’esperti forensiċi u xhieda se jkunu qed jagħtu x-xhieda tagħhom.
Fost ix-xhieda tkellem is-Surġent Gareth D’Amato, li spjega kif Debono Debono prova jsuq il-vettura tat-tip Mercedes fi triq dejqa.
Madanakollu, huwa spiċċa maqbud, ħabat ġo ħajt, ħareġ minn ġol-karozza u prova jaħrab f’għalqa tal-qamħ.
Is-Surġent D’Amato qal li l-akkużat ċeda mill-ewwel, għolla jdejh, u qal lill-uffiċjali li kien taħt l-eta, filwaqt li l-karozza kienet misruqa u kienet t’ oħtu.
L-Erbgħa filgħodu tkellmu wkoll diversi uffiċjali li kienu minn tal-ewwel fuq il-post, u kif ukoll xhieda li kienu fuq il-post.
Kenneth Darmanin, li għandu ħanut viċin fejn seħħ il-każ, spjega kif sema ħoss kbir, u ra l-Mercedes tgħolla ‘l fuq.
Qal li wara li seħħ dan, innota li tħalliet xi ħaġa sewda mal-art. Għall-ewwel ħaseb li kien bumper iżda mbagħad induna li kienet persuna. Apparti li ċempel 112, irrealizza li l-persuna kienet pulizija.
Christopher Mamo, li kien fi triqtu lejn Ħal Qormi għax-xogħol, ra l-vettura tinstaq b’mod aggressiv, u ma kinitx l-ewwel darba li rah dakinhar stess.
Dan hekk kif għaraf l-isticker safra li kellha l-Merceds fuq il-windscreen bil-kliem ‘bil-magħqud’.
Spjega kif is-sewwieq prova jaqilgħu minn fuq ix-xellug, u anke ħaseb li kien qed jiġri warajh.
Kien hawn li tefa mal-ġenb quddiem iż-żona industrijali ta’ Ħal Luqa u meta ħares fil-mera, ra xi ħaġa mal-art, hekk kif il-vettura għaddiet riħ minn ħdejh.
Huwa rrealizza li mal-art kien hemm persuna, u mill-elmu nduna li kien pulizija.
Kien hawn li ħareġ jiġri mill-karozza, ġera lejn il-vittma u ċempel fuq il-196 u fuq il-112.
Wara li għamel hekk, huwa beda jżomm lil dawk preżenti ‘l bogħod minn Simon Schembri, hekk kif huwa jaħdem fil-qasam mediku u ħass li kellu jgħin.
Intant, l-Ispettur Fabrian Fabri qal fil-Qorti li l-pulizija għad ma kellix aċċess għal kontenut fil-mobile ta’ Debono.
Huwa spejga li jekk l-akkużat mhux se jithom il-pattern li bih jinfetaħ l-aċċess, mhux se tkun tista tinkiseb id-data.
Il-Maġistrat Joe Mifsud ġab fi tmiem il-kumpilazzjoni tal-evidenza, filwaqt li ddeċieda li hemm evidenza b’saħħitha biżżejjed biex Liam Debono jgħaddi ġuri.
Fil-Qorti ntqal ukoll li Simon Schembri qed jirrispondi sew għal kura li qed tingħatalu, fejn saħansitra ħareġ mis-sodda u mexa distanza qasira wkoll.