F’dawn il-ġranet beda l-proċess sabiex mal-5,000 tunnellata ta’ tadam jibda jinqata’ u jiġi proċessat fl-impjant ta’ Magro Brothers ġewwa x-Xewkija, Għawdex. Wara li dan it-tadam jitkabbar fl-għelieqi kemm f’Malta kif ukoll f’Għawdex, tibda l-fażi fejn dan it-tadam jiġi proċessat fi prodotti diversi fost l-aktar popolari mal-Maltin.
Akkumpanjat miċ-Chairperson tal-kumpanija Magro Brothers John Magro, is-Segretarju Parlamentari għall-Biedja, Sajd u Drittijiet tal-Annimali Clint Camilleri qal li dan il-qasam fis-settur agrikolu huwa importanti ħafna għaliex joffri għixien lil bosta bdiewa. Is-Segretarju Parlamentari saħaq dwar kif matul dawn l-aħħar xhur, bħala Gvern irnexxielna nassiguraw madwar €6 miljun f’għajnuna diretta li jkopru mill-2021 sa 2027, b’fondi Ewropej għal bdiewa li jaħdmu t-tadam.
Filwaqt li feraħ lill-aħwa Magro, is-Segretarju Parlamentari Clint Camilleri sostna kif din il-kumpanija hija xhieda ta’ kemm il-prodott Malti huwa bnin u ta’ kwalità għolja. Saħaq ukoll dwar kif il-viżjoni tal-Gvern hija dik li nkomplu nippromwovu l-prodott agrikolu Malti bħala l-ewwel għażla għall-konsum. Ta’ min wieħed ifakkar li t-tadam proċessat fil-kumpanija Magro ma jiħux aktar min 24 siegħa biex jinqata’, jiġi proċessat u ppakkjat. B’hekk, il-prodott jibqa’ frisk u ġenwin.