Ix-xahar ta’ Awwissu li għadda kien l-aktar wieħed li fih intalab l-appoġġ tas-servizzi bl-ambulanzi tal-Emerġenza f’każi li seħħew, mhux l-inqas dawk fuq it-toroq.
Dan ħareġ minn messaġġ li tella’ fuq il-pjattaforma soċjali Facebook it-Tabib tal-Emerġenza, Dr Michael Spiteri, li saħaq kif ix-xahar inkwistjoni waħdu ra mal-ħamest elef talba għal tali servizzi b’riżultat ta’ dan.
Sa mill-ewwel jum tiegħu, fejn trailer spiċċa nqaleb fi Triq il-Kavallerija fil-Marsa, anke jekk ħadd ma weġġa’, ix-xahar irreġistra numru ta’ aċċidenti frekwenti fit-toroq u f’postijiet oħrajn, inkluż f’residenzi privati.
Nhar is-27 ta’ Awwissu wkoll ġew irreġistrati tliet fatalitajiet minn daqstant aċċidenti f’madwar tnax-il siegħa fuq it-toroq ta’ pajjiżna, l-akbar ammont.
Fuq Facebook, waqt appella għall-prudenza, Dr Spiteri qasam ftit pariri għal meta persuna tiġi fil-bżonn u ċċempel in-numru 112, inkluż li tkun ċara meta titkellem u tagħti l-informazzjoni tal-post, tas-sitwazzjoni fil-mument u tan-nies preżenti fuq il-post, li jeħtieġu l-għajnuna.
Aktar minn hekk, it-Tabib tal-Emerġenza wkoll fakkar li kull min hu sigur u mħarreġ fl-Ewwel Għajnuna għandu jgħin lill-vittmi fuq il-post, waqt li ħeġġeġ lil oħrajn jattendu xi kors f’dan ir-rigward, għax iċ-ċans li wieħed isalva l-ħajja f’tali ċirkostanzi ta’ aċċidenti hu kbir.