Waqt li għal bosta Maltin, l-Ingilterra hi fost id-destinazzjonijiet ippreferuti għall-vaganzi tagħhom, għal madwar ħames mija u l-għeżież tagħhom din, is-sena l-oħra, fissret vjaġġ mhux mixtieq fi żmien diffiċli u ta’ tbatija minħabba kwistjonijiet ta’ saħħa.
Madankollu, l-istess vjaġġi fissru wkoll tama għall-fejqan minn mard, b’kura speċjalizzata li, sal-lum, ma tingħatax f’pajjiżna.
B’kollox, fl-elfejn erbgħa u għoxrin, saru sitt mija u tmenin vjaġġ minn Maltin, li kellhom bżonn kura barra minn xtutna, u qrabathom. Fil-fatt, b’kollox fl-2024, il-Gvern ħareġ is-somma ta’ kważi €11-il miljun.
Dan wara li l-każ tagħhom ġie riferut għall-kura fi sptar barra minn xtutna, ħafna drabi fir-Renju Unit, b’użu ta’ teknoloġija u interventi speċjalizzati, li s’issa għadhom mhux jingħataw f’pajjiżna.
It-trattamenti barra l-pajjiż jiġu kkordinati minn uffiċċju fl-Isptar Mater Dei, li jieħu ħsieb l-arranġamenti kollha għall-pazjenti u l-appuntamenti fiċ-ċentri speċjalizzati fejn ikunu se jingħataw kura.
Proprju dwar hekk tkellimna ma’ tabib ewlieni tal-Gvern, Dr Clarence Pace.
Qal, “Dawn il-pazjenti nibgħatuhom kemm l-Italja kif ukoll l-Ingilterra. Issa għandna, eżempju l-Italja, nibgħatu pazjenti għat-trapjanti, trapjanti tal-fwied, tal-pulmun. Fl-Ingilterra nibgħatu każi ta’ mard rari wkoll.”
Dawn it-trattamenti individwali jiswew eluf kbar ta’ ewro u li, ħafna drabi, familji ma jkunux jistgħu ilaħħqu mal-ispejjeż. U, għalhekk, il-Gvern jidħol bħala spalla għal dawn il-pazjenti.
Qal, “Noffru mhux biss il-loġistika biex dak il-pazjent imur, imma pereżempju il-biljett tal-ajru u l-akkomodazzjoni fejn se joqogħdu l-pazjent kif ukoll l-akkomodazzjoni għall-familjari tal-pazjent. Aħna mhux biss nagħtu s-servizz li jingħata l-Isptar, imma anke l-loġisitika kollha.”
Hawn, Dr Pace spjega li l-innovazzjoni fil-qasam mediku qed tiżviluppa b’mod mgħaġġel ħafna f’pajjiżna fejn qed isiru sforzi biex trattamenti simmili wkoll jibdew jingħataw f’pajjiżna.
Proprju, għalhekk, il-Gvern qed jinvesti f’konsulenti speċjalizati biex jibdew jaħdmu permamenti fl-Isptar Mater Dei.
Qal, “Aħna għandna ftehim biex inġibu speċjalisti mill-Ingilterra, speċjalment biex jaraw il-pazjenti tagħna fl-Isptar Mater Dei. Jiġifieri dak il-piż li aħna nitfgħu fuq il-pazjent biex imur hemm, jiġu hawnhekk jarawhom fil-clinics u ovvjament joperawhom hawn ukoll.”