Sa Ġunju ta’ din is-sena diġà ġew irreġistrati aktar minn erba’ mija u sittin elf metru kwadru ta’ art li għaddiet mingħand il-Knisja għal għand il-Gvern Malti.
Din l-informazzjoni inkisbet minn ONE News waqt intervista ma’ Patrick Vella, il-Kap tal-Uffiċċju Konġunt, li ilu aktar minn 30 sena jaħdem biex jipproċessa l-artijiet li għaddew mill-Knisja għal għand il-Gvern.
Vella spjega li hemm tipi differenti ta’ proprjetà li l-Knisja tgħaddi għal għand il-Gvern u ta rendikont tal-proċess rigoruż li din l-entità trid timxi miegħu.
“Huwa proċess li jinvolvi riċerka u riċerka ta’ dokumenti li ħafna drabi jmorru lura mijiet ta’ snin, li kif tista’ timmaġina għandek kumplikazzjoniet kemm biex iġġibhom, kemm biex tinterpretahom, kemm biex taqra, jiġifieri biex nispjega b’mod sempliċi, ġieli kellna okkażjonijiet fejn kellna nagħmlu translation mil-Latin, mit-Taljan ta’ dawn il-kuntratti.”
Statistika riċenti mill-istess uffiċċju turi li, sa Ġunju ta’ din is-sena, ix-xogħol miexi b’ritmu mgħaġġel aktar milli mistenni.
Fil-fatt, waqt li s-sena li għaddiet ġew irreġistrati 790,000 metri kwadri ta’ artijiet, sa nofs din is-sena diġà ġew irreġistrati 462,000 metri kwadri.
Ħareġ ukoll kif, wara li matul l-2023 ġew approvati 1,140 applikazzjoni biex artijiet jiġu rreġistrati, bejn Jannar u Ġunju li għaddew kien hemm 443 applikazzjoni li għaddew mill-istess proċess.
Il-Kap tal-Uffiċċju Konġunt stqarr kif dawn ir-riżultati ma sarux b’kumbinazzjoni, iżda minħabba li, fl-aħħar sena, inbidel il-mudell ta’ kif jiġu rreġistrati tali artijiet.
Tenna li b’hekk, b’aktar artijiet sħaħ li qed jiġu rreġistrati, aktar nies se jkunu jistgħu jibbenefikaw minnhom.
“Aktar min-nofs is-sena l-oħra ’l hawn, inbidel il-proċess ta’ kif issir registration mill-Joint Office. Idealment l-uffiċċju jirreġistra artijiet sħaħ. Għalfejn? Inti qed tevita kumplikazzjonijiet, qed tgħaddi iktar art u proprjetà lil-Lands Authority biex tiġi amministrata u hemmekk u qed tagħti aktar proprjetà lill-Gvern biex jimmaniġġja u jagħmel li hemm bżonn biha.”
Sadanittant, Vella tenna li, aktar kemm jgħaddi żmien, il-kumplikazzjonijiet jiżdiedu hekk kif ikun hemm dokumenti ta’ artijiet li jmorru lura mijiet ta’ snin.
Fost oħrajn, ġab eżempju ta’ problema li l-uffiċċju jħabbat wiċċu magħha.
“Għandek ukoll issues li ġieli nsibuhom ma’ wiċċna, li proprjetà tkun għaddietilna l-Knisja bħala parti mill-ftehim mal-Gvern u mir-riċerki jew anke mar-registration niskopru li l-proprjetà tkun inbiegħet. Jiġifieri tkun inbiegħet minn parroċċa jew minn ordni jew minn entità u din l-informazzjoni ma tkunx għaddiet lill-Knisja jew il-Kurja ċentrali meta tkun għaddiet l-informazzjoni lill-Gvern.”
Hu kompla li meta jinqalgħu dawn it-tip ta’ intoppi, id-deċiżjonijiet u l-azzjonijiet jittieħdu wara li jitlaqqa’ kumitat bejn il-Gvern u l-Knisja, li kien twaqqaf fl-1993 u ilu attiv minn dak iż-żmien.