Deċiżjonijiet li ħa l-Gvern Malti fl-aħħar ġimgħat fissru li minn tal-inqas erba’ mija u sittin immigrant li kien hemm min irid idaħħal pajjiżna, daħlu f’pajjiżi oħra.
Tkellem dwar dan il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi, Byron Camilleri, meta kien qed jieħu sehem fil-programm DISSETT.
Il-Ministru Camilleri sostna li f’dawn il-każijiet, Malta żammet soda.
“Kellna żvilupp mid-deċiżjonijiet li ħadna bħala pajjiż. Kellna żviluppi ta’ diversi immigranti illi kieku ma ħadniex id-deċiżjonijiet li kellna nieħdu kieku ma ħadniex deċiżjonijiet iebsin li ma kienux popolari ma’ kulħadd kieku ġew iktar immigranti ġewwa pajjiżna. Nista’ ngħidlek li fl-aħħar ġimgħat bis-saħħa tad-deċiżjonijiet li ħadna Malta frankat mill-inqas 460 immigrant.”
Jirriżulta li fost ir-raġunijiet li waslu għal dan kien hemm id-deċiżjoni tal-gvern Malti li jżomm sod mal-vapuri tal-NGOs, bil-Ministru jagħti eżempji konkreti ta’ deċiżjonijiet li waslu biex naqas il-piż minn fuq pajjiżna.
“Id-deċiżjoni li ħadna fuq l-NGOs. Konna iebsin mal-NGOs. Għidna jekk ikun hemm vapur tal-NGOs li jmur iħajjar in-nies biex jaqsmu u jgħabbihom u jersaq lejna qed ngħidulu ċar u tond li se jkun il-flag state li jieħu r-responsabbilta. Ma kienx hemm każ wieħed. Kien hemm Alan Kurdi Ocean Vikinig, Alta Mari. Kien hemm il-każ ukoll al-MV Marina.”
Il-Ministru Camilleri kien mistoqsi dwar deċiżjonijiet oħra tal-gvern Malti, bil-Ministru jsostni li jekk tiddefendi l-interess ta’ pajjiżek tirbaħ u mhux titlef ir-rispett.
“Malta anke meta kienet għadha mhux indipendenti. Meta kien hemm bżonn isemma leħinha semmgħet leħina uriet li kibret. Meta ssemma leħnek meta taqbeż għall-interess nazzjonali ma ġġibx stmerrija. Rispett iġġib.”
Fil-programm Dissett il-Ministru Camilleri tkellem fit-tul dwar il-ġlieda li trid issir fil-konfront tat-traffikanti tal-bnedmin u kif il-Gvern Malti bagħat messaġġ lill-Ewropa li reġgħet hija relevanti u importanti ħafna l-għajta li m’hemmx stabbiltà fl-Ewropa mingħajr stabbiltà fil-Mediterran.
U biex dan isir l-Ewropa trid tagħti importanza massima l-kwistjoni tal-immigrazzjoni.