Żona fl-Aħrax tal-Mellieħa magħrufa bħala Rdum il-Ħmar saritilha ħsara estensiva fin-nirien li tkebbsu kmieni l-Ħadd li għadda. Fi stqarrija l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi, l-ERA, qalet li erba’ mija u ħamsin siġra sofrew ħsarat jew inqerdu għal kollox, fosthom siġar taċ-ċipress u ħarrub. Ix-xagħri fl-inħawi wkoll inqerdu kawża tan-nirien.
L-ERA żiedet tispjega li din iż-żona partikolari mhux waħda ta’ Konservazzjoni Speċjali, iżda xorta hija meqjusa bħala żona ta’ importanza ekoloġika kbira. L-Awtorità temmet tappella lill-pubbliku jkun kawt fi żoni naturali bħal dawn, speċjalment f’dawn iż-żminijiet tas-sajf fejn nirien kapaċi jitkebbsu u jinfirxu faċilment.