Madwar 25,000 pensjonant u pensjonanta, inkluż romol, gawdew minn żieda addizzjonali fil-pensjoni tagħhom. Dan permezz tal-miżura mħabbra fil-Baġit għal din is-sena, li se tara li tingħalaq id-diskrepanza fl-Ogħla Dħul Pensjonabbli, mingħajr il-ħtieġa ta’ ħlasijiet addizzjonali f’kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali mingħand dawk li twieldu qabel l-1962 u li huma diġà rtirati.
Ħabbar dan il-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal, Michael Falzon, fejn spjega kif dan il-Gvern daħħal żewġ miżuri.
B’hekk dawk il-pensjonanti, li twieldu qabel l-1962, u li s-salarju kurrenti tagħhom, li kieku għadhom jaħdmu, jaqbeż id-Dħul Pensjonabbli Massimu tagħhom, qed jingħataw żieda addizzjonali fil-pensjoni tagħhom li tlaħħaq massimu ta’ disa’ ewro u sebgħa u erbgħin ċenteżmu (€9.47) fil-ġimgħa. Din iż-żieda bdiet tapplika mill-1 ta’ Jannar.
Falzon spjega kif il-figura ta’ 25,000 hi aktar mid-doppju ta’ dak li kien maħsub, għax sar eżerċizzju massiċċ ta’ reviżjonijiet biex ħadd minn dawk intitolati ma jitħalla barra.
Spjega kif amministrazzjonijiet Nazzjonalisti mhux biss taw il-ġenb lill-pensjonanti, iżda wkoll bażwru u ħolqu anomaliji li l-istess Partit Nazzjonalista spiċċa jitkaża bihom. U minn fuq ipprovaw jitfgħu t-tort fuq il-Gvern u qalu li f’għaxar snin ma wettaq xejn.
Il-Ministru spjega kif, bejn l-2013 u l-2023, kien hemm tkabbir bla preċedent fl-investiment soċjali, b’nefqa ta’ nofs biljun ewro fuq il-benefiċċji. Din hi qabża ta’ 61% fejn telgħet għal wieħed punt tliet biljun ewro.
Dan it-tkabbir kompla fl-ewwel kwart tas-sena b’żieda ta’ disgħa u tletin miljun ewro oħra.