Bejn il-Ħamis u l-Ġimgħa, aktar minn 2,100 persuna se jirċievu ’l fuq minn tliet miljun ewro bejniethom fit-tmin sena konsekuttiva, waqt li l-Gvern se jerġa’ jindirizza anomalji tal-passat. Dan tħabbar f’konferenza tal-aħbarijiet mill-Ministru għall-Politika Soċjali Michael Falzon.
Ġie spjegat li f’dawn il-pagamenti hemm ħames skemi.
Tlettax-il persuna se jieħdu bejniethom aktar minn €220,000, permezz tal-iskema tal-eks apprentisti u studenti-ħaddiema li daħlu mal-Gvern wara Jannar tal-1979. Din l-iskema tgħodd għal dawk li għadhom jaħdmu u, għalhekk, dawn se jibqgħu jitħallsu sa meta jilħqu l-età tal-irtirar.
Kważi 1,500 persuna se jitħallsu bejniethom aktar minn €775,000, hekk kif se tkompli l-iskema għal dawk l-eks membri tal-korpi li wara sabu impjieg fis-Settur Pubbliku.
Ma’ dawn, 108 persuni oħra se jirċievu bejniethom aktar minn €480,000 fl-iskema tal-eks ħaddiema tal-Gas Board u għal apprentisti tal-Malta Electricity Board, li kienu ngħaqdu mal-Korporazzjoni Enemalta fl-1977.
Mija, tnejn u erbgħin persuna se jibbenefikaw aktar minn sitt mija ħamsa u għoxrin elf ewro, bħala parti mill-iskema li minnha jibbenefikaw grupp ta’ eks ħaddiema li daħlu mal-Korporazzjoni Telemalta bejn Jannar tal-1978 u Jannar tal-1979.
Dan filwaqt li tliet mija, ħamsa u tmenin persuna se jibbenefikaw minn kważi miljun ewro, permezz tal-iskema għal persuni li kienu fl-impjieg mal-Malta Drydocks u l-Malta Shipbuidling li ġew ittrasferiti fl-2003 mal-IPSL.
Ġie spjegat li dawn il-persuni eliġibbli se jitħallsu direttament fil-kont bankarju tagħhom.
Il-Ministru Falzon sostna li l-Gvern qed iżomm kelmtu u, b’dan il-pagament, l-investiment tiegħu f’inġustizzji tal-passat se jkun tela’ għal aktar minn tmienja u tmenin miljun ewro wara din il-ġimgħa.
“Mhux biss hi t-tmin sena li qegħdin nagħmlu l-ħlasijiet, imma hi t-tmin sena li qed inżommu kelmtna. Kelma li tajna li nagħmlu tajjeb għall-anomaliji u inġustizzji tal-passat u hekk għamilna. S’issa diġà tħallsu €85 miljun. Dan il-weekend se joħorġu fuq tliet miljun ewro oħra. Dan hu Gvern li qiegħed dejjem hemmhekk man-nies u, minkejja li jkun għadda ż-żmien, fejn naraw li hemm anomaliji u inġustizzji se nibqgħu nagħmlu tajjeb għalihom.”