Il-Gvern mistenni jalloka numru ta’ artijiet proprjetà tal-Istat, li jinsabu f’żoni ta’ żvilupp imferrxin f’mill-inqas seba’ lokalitajiet, biex minflok jinbnew, jiġu kkonvertiti f’aktar spazji pubbliċi miftuħin attrezzati biex jitgawdew mill-poplu.
Dawn se jingħaqdu ma’ sensiela ta’ proġetti oħrajn simili li diġà qed jitgawdew jew huma mwegħdin li jsiru.
Dan tħabbar mill-gazzetta KullĦadd fl-aħħar ħarġa tagħha, wara li l-Prim Ministru Robert Abela l-ġimgħa li għaddiet żvela fil-Parlament li nbeda proċess biex jiġu identifikati artijiet tal-Gvern, biex minn plots vojta jsiru spazji miftuħa b’ambjent san u sigur li jitgawda mill-familji.
“Filwaqt li dan ma jfissirx li kull art tal-Gvern tista’ tmur għal dan l-iskop, imma jfisser li, iva, se nkunu qed niddedikaw eluf ta’ metri kwadri ta’ art, b’valur fuq is-suq ta’ miljuni ta’ ewro, li l-Gvern se jgħid li dawn mhux se nibnihom, imma se jagħtihom għal nifs ambjentali fl-urban.”
Il-KullĦadd ħabbret ukoll li l-Awtorità tal-Artijiet, b’kollaborazzjoni mal-Ministeru għall-Ambjent, identifikat mill-inqas seba’ żoni, li jvarjaw fid-daqsijiet, iżda komplessivament jaqbżu l-15,000 metru kwadru.
Mill-informazzjoni tal-gazzetta jirriżulta li l-valur tal-artijiet ilaħħaq għal aktar minn wieħed u għoxrin miljuni ewro fis-suq tal-proprjetà, kemm-il darba l-Istat jiddeċiedi li jikkummerċjalizzahom. Dawn jinsabu f’diversi nħawi tal-pajjiż u, fost dawn, il-KullĦadd issemmi l-Mellieħa, San Ġiljan, Ħal Luqa u Ħal Kirkop.
Dawn issa mistennija jingħaqdu ma’ spazji oħrajn f’żoni urbani, li diġà ġew ikkonvertiti mill-Gvern fl-aħħar xhur jew jinsabu fil-proċess biex joffru spazji fejn ikunu jistgħu jqattgħu ftit ħin liberu l-familji.
Minbarra hekk, il-Gvern diġà mbarka fuq il-pjan nazzjonali ta’ seba’ mitt miljun ewro mwiegħed fil-manifest ‘Malta Flimkien’, biex żoni mdaqqsin urbani jiġu kkonvertiti għall-istess skop.
Fil-fatt diġà nbdew il-proċessi għall-ħolqien ta’ Victoria Park fil-qalba tar-Rabat, Għawdex, proġett ieħor fil-qalba ta’ San Ġwann u dak flok iż-żona mitluqa fil-konfini ta’ Bormla li se tiġi kkonvertita fi ġnien u spazju miftuħ imdawwar bi struttura tipika Maltija u żewġ sulari ta’ parkeġġ taħt l-art.