L-10 t’Ottubru hu l-jum li fih jitfakkar il-Jum Dinji tas-Saħħa Mentali, waqt li jkompli jqajjem iżjed kuxjenza u għarfien dwar sitwazzjonijiet li jistgħu jwasslu persuna għal riskji serji għal ħajjitha, mingħajr l-għajnuna meħtieġa, li f’pajjiżna wkoll hi mill-aktar mifruxa f’diversi oqsma.
Il-Ministru għas-Saħħa Jo Etienne Abela, f’filmat li ppubblika fuq il-midja soċjali l-Ħamis filgħodu, ħabbar kif madwar 16,000 persuna rrikorrew għal-linja 1579 biex isibu l-għajnuna f’perjodu ta’ kważi sentejn.
Dawk is-setturi, li joffru servizzi ta’ terapija u għajnuna lil diversi persuni li jħabbtu wiċċhom ma’ problemi mentali, jinkludu wkoll lil dawk li jittrattaw każi ta’ vizzji fejn ħafna jinqabdu f’morsa, li mhux biss tobbligahom ifittxu l-għajnuna fid-Detox biex ifiequ, iżda wkoll ikunu f’riskji oħrajn.
Tkellimna mat-Tabib Gianluca Bezzina, wieħed minn dawk li jaħdem ma’ persuni affettwati b’dan il-mod, li qalilna li tali għajnuna qed tingħata lil madwar 1,500 pazjent fis-sena.
“Illum hu jum speċjali għalina li naħdmu ma’ nies li jbatu b’mard mentali, b’mod speċjali l-addictions. Aħna, fejn jidħol dak li magħruf bħala d-Detox (Substance Misuse Outpatients Unit), naraw mijiet ta’ pazjenti li jbatu minn vizzji ta’ sustanzi primarjament, però illum il-ġurnata wkol naraw oħrajn li jbatu minn dawk li nsejħulhom ‘behaviour addictions’ ukoll.”
It-Tabib Bezzina kompla li dawk li jersqu ’l quddiem, sfortunatament, huma biss porzjon żgħir ta’ dawk li għandhom bżonn l-għajnuna.
Stqarr kif jaraw mas-600 persuna kuljum, li jieħdu kura għall-vizzju tad-droga, però hemm ukoll dawk li jbatu minn vizzji fl-imġieba, li jiġi l-aktar mil-logħob tal-ażżard. Bezzina qal li każi simili li qegħdin jiżdiedu minn sena għall-oħra.
Qal kif dawn huma biss ftit mill-problemi li jaraw matul is-sena, kollha bl-isfidi tagħhom u li jwasslu għal problemi ta’ saħħa mentali għal dawk li jkunu għaddejjin minnhom.
Irrimarka kif dawk li jieħdu s-servizzi, speċjalment tas-Sedqa, ikunu qed jiġu mgħejjuna f’diversi aspetti tal-ħajja, bħall-akkomodazzjoni u l-benefiċċji li jiġu offruti lil dawk li jkollhom bżonnhom, waqt li servizzi oħrajn jinkludu, pereżempju, il-programm ta’ rijabilitazzjoni f’Dar Santa Marija u Dar l-Impenn.
Dan apparti l-pilastru tal-aġenzija, li hu l-Addictions Community Team, fejn isegwu l-pazjenti fuq bażi regolari.
“Id-Detox mhux l-uniku servizz tas-Sedqa. Id-Detox għandna team tajjeb ħafna ta’ professjonisti li flimkien naħdmu għall-pazjent. L-addiction mhijiex biss marda li tolqot l-att fiżiku u mentali, imma tolqot ħafna s-soċjal, allura aħna t-tobba, farmaċisti u nurses naħdmu wkoll ma’ social workers u psikologi biex kemm jista’ jkun lill-pazjent tagħna nkunu qiegħdin ngħinuh f’kull aspett f’ħajtu.”