L-ewwel sajda għal-lampuki dan l-istaġun wasslet għal qabda ta’ aktar minn 1,500 kilo ta’ din il-ħuta tant imfittxija. Dan hekk kif fil-jum tal-Ħamis, nhar Santa Marija, fetaħ l-istaġun għal din is-sena bis-sehem ta’ 80 bastiment irreġistrat, li rħewlha għall-ewwel sajda f’ibħra miftuħa.
Fis-sigħat bikrin tal-Ġimgħa filgħodu, il-Pixkerija qamet għal ħidma mill-aqwa hekk kif is-sajjieda bakkru għall-ewwel bejgħ tal-istaġun, permezz tal-irkant, ta’ dik li hi meqjusa minn ħafna bħala l-aktar ħuta favorita mal-Maltin u l-Għawdxin, iżda mhux biss.
L-irkant tal-ħut li jingħadda mis-sajjieda direttament għal għand il-bejjiegħa biex imbagħad jinxtara mill-hawkers u tal-ħwienet speċjalizzati.
Waqt li awgurat l-istaġun ikompli għaddej tajjeb għas-sajjieda lokali, Lily D’Amato, bejjiegħa tal-ħut, spjegat il-ħidma li ssir fil-Pixkerija.
Qalet, “Daħal il-Pixkerija biex issa nbiegħuh fuq il-vannijiet u l-ħwienet. Issa mil-lum ’il hemm jibda jkun hemm il-lampuki dejjem jekk jaqbdu u naraw x’ġej hekk kif j’alla jkollhom staġun tajjeb.”
Il-Kap Eżekuttiv tal-Malta Food Agency, Brian Vella, spjega kif l-aġenzija dejjem tħejji l-post qabel il-ftuħ tal-istaġun biex tlesti għall-bejgħ tal-lampuki.
Qal, “Kif tagħmel dejjem, l-aġenzija tipprepara l-Pixkerija biex is-sajjieda tagħna dak li jkunu qed jaqbdu, speċjalment il-lampuki hekk kif hu l-istaġun tagħhom, il-post ikun ippreparat biex isir il-bejgħ tagħhom.”
Is-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akkwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali, Alicia Bugeja Said, ħeġġet lil kulħadd biex jaħtaf l-opportunità u jappoġġja lis-sajjieda tagħna u l-prodott lokali u frisk.
Qalet, “Għal sena oħra qed nassistu fil-Pixkerija għall-ewwel bejgħ ta’ din is-sena. Nixtieq nirringrazzja lis-sajjieda kollha li, għal sena oħra, qed jimpenjaw irwieħhom biex iwasslu l-lampuki frisk għall-Maltin u l-Għawdxin kollha u bħal dejjem nappella lill-konsumaturi kollha biex jappoġġaw il-prodott lokali.”