Fi tmiem il-ġimgħa li għadda, jiġifieri bejn il-jiem tal-Ġimgħa u l-Ħadd, qasmu l-fliegu bil-vapuri tal-Gozo Channel aktar minn ħdax-il elf ruħ.
Żvela din iċ-ċifra ċ-Chairman tal-Kumpanija Gozo Channel, Joe Cordina, li f’kumment ma’ ONE News saħaq li, aktar ma jgħaddu l-ġimgħat, dawn in-numri mistennija jkomplu jiżdiedu.
Qal, “Jekk wieħed iħares lejn in-numru ta’ passiġġieri li qed jaqsmu bejn Malta u Għawdex, wieħed qed jinnota żieda f’kull wikend li jgħaddi. Fil-fatt, il-wikend li għadda qasmu aktar minn ħdax-il elf passiġġier u, b’dawn iċ-ċifri, wieħed ikun jista’ jibda jqabbilhom maċ-ċifri ta’ qabel ma bdiet il-pandemija. Aħna qed nistennew illi dawn in-numri jkomplu jikbru u jiżdiedu, speċjalment li l-wikend li ġej se jiġi ċċelebrat il-karnival, u l-karnival f’Għawdex dejjem attira numru kbir ta’ Maltin.”
Kif indikat, ix-xhur tas-sajf se jkunu pożittivi ferm għall-qasam turistiku, inkluż f’Għawdex, hekk kif Malta mistennija terġa’ tara influss ta’ turisti li jiġu jqattgħu l-btala tagħhom hawn f’pajjiżna.
Dan is-sentiment pożittiv u b’saħħtu diġà qed jinħass fost is-sidien tar-ristoranti u tal-postijiet ta’ akkomodazzjoni fil-gżira tat-tliet għoljiet.
Dan ikkonfermah il-Kap Eżekuttiv tal-Assoċjazzjoni Għawdxija għat-Turiżmu, Joe Muscat, li ma’ dan l-istazzjoni spjega t-tendenzi pożittivi li qed tesperjenza l-gżira Għawdxija bħalissa.
Qal, “Dan qed inħossuh ma’ kull wikend li qed jgħaddi, għaliex qed naraw numri ta’ Maltin li qed jaqsmu lejn Għawdex, kemm biex joqgħodu fl-akkomodazzjoni li tinkera kif ukoll dawk oħrajn li għandhom akkomodazzjoni privata tagħhom. Dan huwa importanti ħafna għas-settur turistiku f’Għawdex għaliex, sakemm jibda l-istaġun in full swing, tas-sajf, dan l-influss ta’ Maltin lejn Għawdex jgħin ħafna biex is-settur turistiku f’Għawdex ikompli jirkupra, b’mod partikolari wara sentejn ta’ pandemija.”