L-għadd ta’ persuni, li jirċievu xi tip ta’ assistenza soċjali mill-Istat minħabba s-sitwazzjoni vulnerabbli li jinsabu fiha, naqsu b’għaxart elef fuq perjodu ta’ għaxar snin mill-2014 sas-sena l-oħra.
Minn tagħrif, li kiseb ONE news, jirriżulta li, waqt li, fl-2014, in-numru ta’ persuni dipendenti fuq l-assistenza soċjali kienu jaqbżu l-15,000, is-sena li għaddiet dawn niżlu għal ftit aktar minn 5,000 persuna.
Dan ifisser tnaqqis ta’ iżjed minn 65% tal-persuni u l-familji tagħhom li m’għadhomx dipendenti fuq is-servizzi soċjali mill-Gvern. Din l-Assistenza Soċjali tinkludi wkoll persuni singoli mhux miżżewġin u li għadhom irabbu l-ulied waħedhom.
Sa mill-2013, il-Gvern Laburista ntrabat li jgħin familji Maltin u Għawdxin vulnerabbli jqumu fuq saqajhom, permezz ta’ diversi miżuri u skemi soċjali.
Dan bil-maqlub ta’ dak li kien jemmen Gvern preċedenti Nazzjonalista, li kien jiddikjara pubblikament li l-faqar f’pajjiżna kien biss perċezzjoni fl-imħuħ tan-nies, waqt li llum l-Oppożizzjoni, b’qerq, targumenta li l-faqar sploda.
Minbarra li saħħaħ il-miżuri tal-għajnuna soċjali, li kienu diġà eżistenti, Gvern ġdid Laburista ħoloq inċentivi biex iħeġġeġ lil eluf ta’ persuni jinqatgħu mid-dipendenza tal-għajnuna soċjali u joħorġu fid-dinja tax-xogħol.
Tali titjib hu attribwit mhux l-inqas għal miżuri, bħat-Tapering of Benefits u l-In-Work Benefit, li ġew introdotti ftit wara l-bidla fil-Gvern.
Illum il-ġurnata dan hu rifless kemm fit-tnaqqis fl-istatistika uffiċjali tal-persuni f’riskju ta’ faqar u anke fiż-żieda bla preċedent ta’ dawk li għandhom impjieg.
Tweġibiet għal mistoqsijiet tad-Deputat Carm Mifsud Bonnici dwar l-ammont ta’ persuni f’numru ta’ lokalitajiet li għadhom jiddependu mill-assistenza soċjali, li ngħataw mill-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal, Micheal Falzon, fl-aħħar jiem ukoll juru b’mod ċar kif l-ammont hu ferm inqas minn dak li kien għaxar snin qabel.
Dan hu ċertifikat ieħor qawwi ta’ Gvernijiet Laburisti b’ruħ soċjali li indokraw lill-familji l-aktar fil-bżonn, kif jixraq.