Mal-elf u tliet mitt immigrant iddaħħlu f’żewġ portijiet taljani wara li d-dgħajjes li kienu jinsabu fihom sabu ruħhom f’diffikultà bejn sema u ilma, fil-Mediterran.
487 immigrant iddaħħlu fil-port ta’ Crotone kmieni s-Sibt filgħodu filwaqt li l-gwardja tal-Kosta daħlet żewġ dgħajjes oħra b’madwar 800 immigrant f’Reggio Calabria.
Dawn l-iżbarki waslu, kważi ġimgħatejn wara li mas-76 persuna tilfu ħajjithom wara li ġġarraf vapur barra l-kosta ta’ Calabria. Il-prosekuturi qed jinvestigaw jekk l-awtoritajiet Taljani setgħux għamlu aktar biex jevitaw dan l-inċident. Min naħa tagħha l-Prim Ministru Taljan Georgia Meloni, xejnet din l-investigazzjoni hekk kif spjegat li t-tort għal dan l-inċident għandhom jerfgħuh it-traffikanti tal-bnedmin.
Il-Ministeru għall-Intern tal-Gvern Taljan spjega li sa issa din is-sena, fl-Italja daħlu 17,500 immigrant mill-baħar. Din iċ-ċifra tammonta sa kważi 3 darbiet aktar mill-ammont fl-istess perjodu s-sena li għaddiet.