Wara xhur ta’ ħidma, ġie inawgurat il-maħżen ġdid għall-apparat kliniku fl-Imtarfa se jkun qed jipprovdi l-apparat li għandhom bżonn 23 dar tal-anzjani madwar Malta u Għawdex. Dan ġie inawgurat mis-Segretarju Parlamentari Anthony Agius Decelis it-Tnejn filgħaxija wara li kien imwiegħed fil-manifest elettorali tal-Partit Laburista fl-2017.
Minn issa, id-djar tal-anzjani se jkunu jistgħu jordnaw il-provvista li għandhom bżonn minn dan il-maħżen minn xahar qabel, kif spjega il-Kap Eżekuttiv tad-Dipartiment tal-Anzjanità Attiva, Dr Renzo Degabriele:
“Issa ovvjament l-istore irid ikun replenished. Irid ikollu biżżejjed. Aħna nibagħtu l-ordni tagħna lis-CPSU u nagħmlu wkoll customer demands, jiġifieri naraw xi jkollna bżonn fit-tliet xhur li ġejjin biex inkunu preparati u jekk jinqala xi ħaġa jkollna stokk hawnhekk”.
Il-maħżen qed iżomm mijiet ta’ mudelli ta’ 150 apparat differenti bħal ingwanti, glucose sticks, u apparat li jintuża għal testijiet mediċi.
Dr Degabriele spjega wkoll li djar tal-anzjani fin-Nofsinhar ta’ Malta se jingħataw skeda apposta skont il-bżonnijiet tagħhom biex kemm jista’ jkun ma tinħolqilhomx skumditá minħabba d-distanza:
“Nagħmlu skeda biex inqassmu lid-djar kollha mingħajr ma jkun hemm dewmien jew affarijiet out of stock“.
Is-Segretarju Parlamentari Anthony Agius Decelis qal li l-idea tal-Gvern kienet li jinħoloq one stop shop fejn min imexxi d-djar tal-anzjani jingħata l-għajnuna kollha li għandhom bżonn fejn jidħol l-użu tal-apparat mediku jew kliniku:
“Se jkollna wkoll stokk biex jekk jiġri xi ħaġa jkun hemm addizzjonali biex id-dar ikollha l-affarijiet. Dan biex kemm jista’ jkun nies li qed jafdaw lilhom infushom għandna jkollhom kwalitá tajba ta’ ħajja”.