Chev. Dr Anthony J. Abela Medici ġie maħtur bħala l-Kummissarju l-ġdid għall-Għaqdiet Volontarji. Huwa s-suċċessur tal-Prof. Kenneth Wain, li kien l-ewwel Kummissarju mill-2007.
Qabel in il-ħatra, Chev. Dr Abela Medici għamel iktar minn 30 sena fil-Laboratorji Forensiċi tal-Pulizija ta’ Malta. Huwa wkoll, għal diversi snin, kien lettur fl-Università ta’ Malta. Fl-2016, ġie elett mill-Kunsill tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa biex iservi fuq il-Kumitat ta’ Esperti għall-Prevenzjoni tat-Tortura u Trattament jew Pieni inumani jew Degradanti. Chev. Dr Abela Medici serva wkoll bħala Chairperson tal-“Guard and Warden Disciplinary Board”, u mexxa numru ta’ Bordijiet ta’ Inkjesta oħra matul dawn l-aħħar 40 sena. Bħalissa huwa wkoll il-President tal-Kunsill tas-Sigurtà tat-Toroq ta’ Malta, Membru tal-Awtorità tat-Trasport ta’ Malta u jirrappreżenta lil Malta bħala r-rappreżentant lokali tar-Royal Society of Chemistry.
Barra minn hekk, Chev. Dr Abela Medici għandu diversi snin ta’ esperjenza fis-settur volontarju, fejn serva bħala President tal-Malta Cactus u Succulent Society, President u Membru fuq Kunsilli tal-Assoċjazzjoni Katenjana f’Malta, Membru u mbagħad Viċi President tas-Sliema Lions Club u s-Segretarju Onorarju tal-Assoċjazzjoni tal-iScouts ta’ Malta, Direttur ta’ Scout Association of Malta Company Limited (TSAM) u tal-Fondazzjoni Leap tal-Assoċjazzjoni ta-iScouts, membru tal–“Byzantine Order of the Holy Sepulchre, of the Order of St Lazarus”, membru tal-“Philatelic Society of Malta”, membru għal-għomru tal-ALPS Association of Lyceum Past Students u assoċjazzjonijiet oħra.
Dan kollu jservi bħala esperjenza fil-kariga l-ġdida tiegħu bħala Kummissarju, biex jassigura r-rispett tad-dispożizzjonijiet tal-Att dwar l-Organizzazzjonijiet Volontarji, sabiex jirregola organizzazzjonijiet volontarji biex jikkonformaw mal-liġi biex jiksbu standards għoljin ta’ responsabilità u trasparenza.