Il-Gvern se jkun qed jaħtar bord indipendenti, kompost minn tliet membri, biex jevalwa l-proċess ta’ kif jiġi approvat l-għoti tal-Benefiċċju għal Diżabilità Severa.
Dan tħabbar fi stqarrija mill-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal fejn intqal li, minkejja li jeżistu sistemi robusti kontra l-abbuż fid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali u d-Diviżjoni għall-Għajnuna Finanzjarja u Osservanza, tant li kienu bis-saħħa tagħhom li ġew identifikati każi suspettużi u ġew riferuti lill-Pulizija, il-Gvern ħass li għandu jkun hemm evalwazzjoni tal-proċessi biex dawn ikunu msaħħa fejn meħtieġ.
Il-Bord ta’ Evalwazzjoni maħtur mill-Ministru Michael Falzon u mis-Segretarju Permanenti fil-Ministeru Mark Musù se jkun ippresedut mill-Imħallef Emeritus Antonio Mizzi, waqt li bħala membri fuq il-Bord se jkun hemm Anthony Scicluna u Raymond Muscat.
It-termini ta’ referenza għall-bord se jkunu li l-ewwel jiġi determinat x’wassal għall-applikazzjonijiet ta’ Assistenza għal Diżabiltà Severa minn persuni li ġew aċċettati, iżda allegatament ma kinux medikament eliġibbli.
Imbagħad jiġi stabbilit jekk f’dan il-proċess kienx hemm nuqqasijiet jew irregolaritajiet amministrattivi tul il-proċess ta’ verifika, inkluż fl-evalwazzjoni medika.
Sadanittant jiġi eżaminat ukoll jekk is-sistemi u l-proċessi ta’ sottomissjoni u evalwazzjoni u verifika ta’ applikazzjonijiet għal dan il-benefiċċju humiex b’saħħithom biżżejjed biex jiġi assigurat li l-benefiċċju jingħata biss lil min verament ikun ħaqqu.
Fl-aħħar mill-aħħar ikun irrakkomandat kif meħtieġ x’miżuri għandhom jittieħdu biex is-sistemi li bihom jiġu sottomessi l-applikazzjonijiet, kif ukoll l-iskrutinju u l-evalwazzjoni tal-applikazzjonijiet innifishom, jissaħħu aktar.
Il-bord se jkun mitlub iressaq il-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tiegħu lill-Ministru għall-Politika Soċjali u Drittijiet tat-Tfal u lis-Segretarju Permanenti fil-Ministeru fi żmien ħames xhur mill-ħatra tiegħu, għalkemm jekk ikun meħtieġ jista’ jitlob estensjoni.
Il-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-bord se jkunu qed jiġu ppubblikati.