Wara proċess rigoruż u ta’ skrutinju, li sar f’dawn l-aħħar xhur, l-Awtorità għall-Użu Responsabbli tal-Kannabis, l-ARUC, ħarġet l-ewwel żewġ liċenzji biex tiġi kkultivata l-pjanta tal-kannabis għall-użu mhux mediċinali.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet ġie spjegat li f’dawn l-aħħar xhur l-awtorità kompliet issaħħaħ l-operat tagħha biex tiżgura li dawn l-assoċjazzjonijiet jipproduċu prodott ta’ kwalità għolja u l-għan aħħari tagħhom jibqa’ li jissalvagwardjaw is-saħħa u d-drittijiet tal-membri tagħhom.
Il-mudell Malti hu uniku fid-dinja u qed iservi saħansitra ta’ mudell għal pajjiżi oħrajn, għax b’mod kawt, iżda deċiżiv, għandu l-għan li jiġġieled il-kriminalità organizzata mingħajr ma joħloq lok għal industrija ġdida.
Fil-fatt, dawn l-assoċjazzjonijiet jaħdmu fuq il-bażi ta’ not-for-profit u flimkien mal-ARUC ikomplu jħaddnu u jħaddmu prinċipji sodi msejsa fuq harm reduction approach.
Leonid McKay, Chairperson tal-ARUC, ta ħarsa lejn ix-xogħol li wettqet l-awtorità f’dan l-aħħar xhur u semma, fost l-oħrajn, it-tnedija fi Frar li għadda tal-qafas regolatorju u l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi biex tiġi kkultivata l-kannabis u t-tnedija aktar tard f’Ġunju tal-politika dwar harm reduction fi ħdan dawn l-assoċjazzjonijiet.
Hu spjega li dawn l-assoċjazzjonijiet, flimkien ma’ erbgħa oħrajn li waslu fi stadju avvanzat tal-proċess ta’ liċenzjar, se jkunu qed jirċievu l-ewwel taħriġ fuq il-kannabis, il-harm reduction u s-saħħa nhar it-28 u d-29 ta’ Novembru 2023.
Dan it-taħriġ qed isir bil-parteċipazzjoni ta’ riċerkaturi barranin b’esperjenza vasta fis-settur għall-użu responsabbli tal-kannabis. Dan it-taħriġ qed isir wkoll b’kollaborazzjoni mas-Sedqa, b’enfasi fuq għodod ta’ prevenzjoni u harm reduction għal persuni adulti, iżda taħt il-wieħed u għoxrin sena.
Is-Sur Mckay informa li l-websajt tal-ARUC se tkun qed tinkludi lista ta’ assoċjazzjonijiet liċenzjati, inkluż id-detalji biex persuna tagħmel kuntatt u ssir membru.
“Is-sodisfazzjon tiegħu hu wieħed, li għandek alternattiva għal membri li jużaw il-kannabis minn dawk ir-riskji ma’ dawk li jixtru mit-triq jew s-swieq li mhux regolati.”
Is-Segretarju Parlamentari għar-Riformi u l-Ugwaljanza, Rebecca Buttigieg, qal li bl-għoti ta’ dawn il-liċenzji, il-Gvern qed jagħmel pass ieħor kuraġġjuż, iżda meqjus, bħala wieħed ta’ importanza kbira, għax sar bl-akbar reqqa u b’mod u manjiera li jipprovdu salvagwardji kemm għall-individwi involuti kif ukoll għall-komunità.
“Il-fatt li llum qed inħabbru li ngħataw l-ewwel żewġ liċenzji għall-assoċjazzjonijiet mill-Awtorità Responsabbli tal-Kannabis ikompli jirriafferma li l-prijorità ta’ dan il-Gvern kienet, għadha u tibqa’ li nħarsu s-saħħa pubblika tal-Maltin u l-Għawdxin kollha.”