Il-Qorti ħarġet mandat ta’ arrest internazzjonali kontra Portugiż li huwa maħsub li ħarab waqt li kien fuq pleġġ b’rabta ma’ akkużi li importa ħames kilogrammi ta’ drogi diversi.
Pedro Henrique Correia De Sousa kien ġie arrestat fl-ajruport Malti fl-2018, wara li kien għadu kif wasal minn Spanja.
Dakinhar kienet instabet id-droga moħbija fil-bagalja, u sussegwentament, kien ġie akkużat li importa erba’ kilogrammi kannabis, kif ukoll kokana u ecstasy, li l-ebda minnhom ma dehret li kienet għall-użu personali.
Erba’ xhur wara l-arrest, De Sousa kien inħeles mill-arrest fuq depożitu ta’ 10,000 ewro u garanzija personali ta’ 15,000 ewro. Huwa kien ġie ordnat li jiffirma fl-għassa kuljum u josserva ħinijiet x’ħin ikun id-dar, bħala parti mill-kundizzjonijiet biex jinħeles mill-arrest.
Hekk kif kompliet il-kumpilazzjoni tal-evidenza kontra De Sousa quddiem il-Maġistrat Joe Mifsud, ġie nnutat li r-raġel deher l-aħħar quddiem il-Qorti f’Ġunju tas-sena l-oħra.
Il-Maġistrat ordna wkoll li jingħataw kopji tad-digriet tiegħu lill-Kummissarju tal-Pulizija, lill-Avukat Ġenerali, u lill-Ministri tal-Intern u tal-Ġustizzja.