Kollox juri li ż-żiemel misjub b’rasu mħanxra qrib il-korsa l-antika tal-Marsa kien maħqur u abbandunat. Dan kien kliem il-Kummissarju tal-annimali, Emmanuel Buhagiar.
Huwa stqarr li mill-pil taż-żiemel, jidher biċ-ċar li sidu ma kienx jieħu ħsiebu u anke mid-dwiefer, hekk kif dawn tħallew twal u ma nqatgħux biex tkun tista’ ssir n-nagħla. Evidenza oħra li ż-żiemel kien qed jgħix f’kundizzjonijiet ħżiena kienu l-muskoli, li jixhdu li ma kienx qed jingħata nutrizzjoni tajba.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija mistennija jikkumplikaw ruħhom minħabba l-fatt li ċ-ċippa taż-żiemel għadha ma nstabitx u b’hekk se tkun iżjed diffiċli biex jiġi identifikat sid iż-żiemel. Jassistu lill-pulizija hemm l-uffiċjali mid-Dipartiment għat-Trattament Xieraq tal-Annimali li quddiemhom raw din ix-xena makabra.
Il-Kummissarju tal-annimali spjega li f’dan l-istadju ma tista’ teskludi xejn iżda l-qata’ tar-ras turi li ntuża xi ħabel li bih intrabat ma’ karozza u ġibdu liż-żiemel minnha biex jaqtawlu rasu. Imkejjen qrib il-Korp tal-Pulizija qalu wkoll li mhux eskluż li ż-żiemel inqatel f’post u ttieħed qrib il-korsa l-antika tal-Marsa.
Bl-għan li dan jiġi konkluż, se tkun qed issir ukoll analiżi tal-kameras tas-sigurtá taż-żona.
Bil-liġi, skont l-Att dwar l-Annimali, jekk jinstab xi ħadd li wettaq dawn l-atti krudili jista’ jeħel sa massimu ta’ tliet snin ħabs u multa ta’ €55,000.