F’laqgħa f’Kastilja mal-Kamra tan-Negozji Żgħar u Medji jiem qabel jitħabbar il-budget għas-sena d-dieħla, il-Prim Ministru Robert Abela qal li fil-budget li ġej, se jiġu protetti n-negozji id f’id mar-rakkomandazzjonijiet tal-Moneyval.
Fil-fatt il-Prim Ministru kellu messaġġ ċar, b’mod partikolari għan-negozji leġittimi u onesti.
Il-Prim Ministru stqarr, “M’aħniex se nweġġgħu l-fiduċja li għandhom in-negozji, m’aħniex se nipparalizzaw l-operat tan-negozji u b’dak kollu li għamilna bħala liġijiet rajna li nżommu distinzjoni ċara bejn il-kriminalità – dik tibqa’ xi ħaġa li naturalment ma nistgħu qatt naċċettawhoma partikolarment il-kriminalità organizzata – imma mbagħad hemm distinzjoni netta bejn l-operat ta’ negozji bħal dawk li tirrapreżentaw intom, negozji leġittimi u onesti jiġifieri hemmhekk tistgħu sserrħu raskom li mhux se tibqgħu toperaw bl-istess mod imma b’mod li jkun aktar business-friendly.”
Xprunat minn waħda mill-proposti tal-Kamra tan-Negozji Żgħar u Medji, il-Prim Ministru tkellem dwar is-sitwazzjoni fil-Libja, u fakkar fil-messaġġ li qed iwassal il-Gvern fl-istituzzjonijiet Ewropej, dak li trid tinstab soluzzjoni ħolistika għall-problemi politiċi fil-pajjiż.
“Nemmen b’mod ċar li hemm opportunitajiet enormi f’post li huwa tant viċin tagħna, li tant hemm opportunitajiet, u rridu naħdmu f’din id-direzzjoni. Fil-mument li l-Libja tirpillja mill-problemi politiċi u s-saħħa tal-ekonomija tagħha wkoll se jkollha s-soluzzjoni għall-problemi tal-immigrazzjoni, hija litteralment katina, ħolqa torbot mal-oħra.” Stqarr Dr Abela.
Il-Prim Ministru qal dan wara li ġie preżentat lilu dokument b’dsatax-il proposta għall-budget li ġej mill-President tal-Kamra tan-Negozji Żgħar u Medji Paul Abela.
Waħda mill-proposti ewlenin li semma s-Sur Abela hija dik li pajjiżna jħares lejn il-Libja biex jinvesti.
Qal li jaf investituri li jixtiequ jiftħu fabbriki tal-konsum fil-Libja.
“Ħafna pajjiżi oħra, Prim Ministru, qegħdin jippreparaw ruħhom. Tgħidli hemm il-ġlied, veru, xi darba jrid jieqaf jiġifieri n-nies t’hemmhekk jieklu u jixorbu jridu, il-konsum xorta jrid jibqa’ u wkoll fl-aħħar tagħha tista’ tkun ta’ soljev għall-immigrazzjoni wkoll għax jekk jaħdmu hemm, dawn x’qed jagħmlu? Dawn li qed jiġu, biex jaqilgħu x’jieklu.” Tenna s-Sur Paul Abela.
Il-Kamra għan-Negożji ż-Żgħar u Medji semma kif fost l-oħrajn qed ikun propost li jitnaqqsu r-rati tal-VAT, tiġi estiża l-iskema ta’ ħlas ta’ pagi, u terġa’ tiġi mnedija l-iskema tal-vouchers.
Il-Prim Ministru qal li se jkun qed jgħarbel sew il-proposti li m’għandux dubju li huma validi bħalma kienu dawk li ppreżentat l-istess Kamra minn Marzu sal-lum.
Intant, Paul Abela feraħ lill-Prim Ministru għall-mod kif mexxa lill-pajjiż f’dawn iċ-ċirkostanzi straordinarji u sejjaħlu bħala “kaptan tal-maltemp”.