Fit-tliet snin anniversarju mill-ħatra tagħha, l-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca għażlet li twassal l-opinjoni tagħha dwar l-ugwaljanza, li fi kliemha jeħtieġ li jkollna aktar rappreżentanti nisa fil-politika:
- 70 sena ilu, in-nisa Maltin kisbu d-dritt tal-vot.
- 70 sena ilu, Agatha Barbara ġiet eletta bħala l-ewwel mara fil-Parlament Malti.
- 60 sena ilu, Agatha Barabara saret l-ewwel Ministru mara f’pajjiżna.
Kien biss wara 43 sena li pajjiżna kellu t-tieni mara tokkupa l-kariga ta’ Ministru. 30 sena ilu, ġiet fi tmiemha l-Presidenza ta’ Agatha Barbara, bħala l-ewwel President mara li kellu pajjiżna. Kellhom jgħaddu 32 sena biex pajjiżna kellu t-tieni mara tokkupa din il-kariga, ta’ Kap ta’ Stat. Din is-sena, qed nikkommemoraw numru ta’ anniversarji sinifikanti fl-istorja tal-parteċipazzjoni tan-nisa fil-ħajja pubblika u politika.
Għalhekk huwa xieraq li s-sena 2017, isservina ta’ verifika u analiżi tar-realta’. Sadanittant, minkejja li għaddew 70 sena mill-kisba għad-dritt tal-vot u għall-elezzjoni ta’ l-ewwel rappreżentanta mara, ir-rappreżentanza femminili fil-Parlament Malti, għada fil-livell baxx ta’ 13%. Bla dubju, dan il-fatt huwa ferm anqas mill-parita’ fir-rappreżentanza li tixirqilha s-soċjeta’ Maltija, fl-2017.
Jekk nibqgħu mexjin b’din ir-rata ta’ rappreżentanza femminili, fl-ogħla istituzzjoni ta’ pajjiżna fejn issir il-politika u jittieħdu d-deċiżjonijiet, se jkollhom jgħaddu madwar 269 sena oħra, biex nilħqu l-parita’.
Żgur li ma’ nistgħux nibqgħu passivi quddiem dan l-istat ta’ fatt. Din ir-realta’ għandha teżiġi l-introduzzjoni ta’ azzjoni pożittiva b’mod immedjat bħala miżura temporanja għat-tranżizzjoni meħtieġa biex nilħqu aktar ugwaljanza u parita’.
Hemm ħtieġa urġenti li nbiddlu l-attitudnijiet skaduti u inġusti, li jxekklu lill-mara milli tipparteċipa fil-ħajja pubblika u politika ta’ pajjiżna. Jinħtieġ li noħolqu ambjent li jwassal biex il-mara tħossha empowered u inkoraġġuta li tipparteċipa f’dawn l-oqsma.
Il-partiti politiċi jridu jkunu ferm aktar impenjati u proattivi biex jassiguraw l-opportunitajiet meħtieġa biex aktar nisa jilħqu l-ogħla livelli fl-istrutturi tal-partiti.
Jinħtieġ bidla radikali fis-sistema Parlamentari tagħna, li tassigura il-bilanċ ġust bejn il-ħajja tal-familja u r-rwol tal-ħajja pubblika. Il-Parlament tagħna għandu jkun ambjent favur il-familja biex nassiguraw l-parteċipazzjoni ta’ kulħadd. Jinħtieġ li jkollna Parlament li huwa verament family-friendly u li jkun mgħammar bil-faċilitajiet meħtieġa għal dan il-għan. Jeħtieġ li ntejbu s-sistema edukattiva b’mod li t-tfal tagħna jiġu mrawwma f’ambjent ta’ parteċipazzjoni demokratika.
Il-politiċi f’pajjiżna għandhom ir-responsabbilta’ li jservu ta’ ispirazzjoni għaż-żgħażagħ biex jiżviluppaw l-aspirazzjoni li jservu lil pajjiżna.
Inħossni fid-dmir, li fl-okkażjoni tat-tielet sena minn mindu inħtart bħala President, u fix-xhur li għandhom jwasslu għal elezzjoni ġenerali, ntenni mill-ġdid l-appelli tiegħi li kont għamilt fl-okkażjoni ta’ Jum il-Mara.
Nappella lill-mexxejja politiċi tagħna, biex jieħdu l-opportunita’ ħalli jassiguraw rappreżentanza xierqa femminili għall-leġislatura li jmiss, billi jittieħdu azzjonijiet pożittivi u proattivi.
Huwa biss b’rata ogħla ta’ parteċipazzjoni femminili li nistgħu nassiguraw li s-soċjeta’ Maltija tkun tassew rappreżentata b’mod ġust.
It-twaqqif tan-Network of Young Women Leaders, jagħtini ħafna tama għall-futur. Ninsab ċerta li dawn in-nisa żgħażagħ, kuraġġuzi u b’allejanzi politiċi differenti li ngħaqdu, biex jieqfu kontra l-isfidi u, flimkien ma’ nisa żgħażagħ oħra li għad iridu jingħaqdu magħhom, kif ukoll bl-appoġġ ġenwin ta’ rġiel emanċipati, se joħolqu l-għarfien neċessarju biex is-soċjeta’ tagħna jkollha rappreżentanza ekwa, ġusta u sostenibbli.
Għandna bżonn nagħmlu iktar biex ngħelbu l-isfidi kontra dawk l-attitudnijiet li qed iwasslu biex nipperpetwaw id-diskriminazzjoni u l-isterjotipi. Nemmen li dan l-għan jista’ jintlaħaq kemm il-darba jkollna nisa preżenti, f’numri sostanzjali, fil-pożizzjonijiet fejn titfassal il-politika u fejn jittieħdu d-deċiżjonijiet.
Żgur li ma’ nistgħux nistennew 269 sena biex tinkiseb l-ugwaljanza. Irridu nirrijaffermaw l-impenn internazzjonali tagħna biex tinkiseb l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel skond kif iddikjarat f’mira numru 5 tal-Miri Globali għall-Iżvillupp Sostenibbli, minquxa fl-Aġenda 2030 tal-Ġnus Magħquda.
Iż-żmien huwa kontra tagħna. Jinħtieġ li nieħdu azzjoni.
Irridu naħdmu flimkien biex niggarantixxu li, fi żmien qasir, issir ħaġa naturali li l-aspirazzjoni ta’ kull mara u tifla li jkunu ta’ servizz fil-ħajja pubblika u politika, tkun realta’.
Irridu niftakru li l-ugwaljanza mhijiex dritt tan-nisa, iżda hija dritt fundamentali tal-bniedem, u bażi essenzjali għat-tisħiħ tad-demokrazija tagħna.