Mahmood u Blanco ttrijonfaw f’Sanremo u rebħu l-festival prestiġjuż Taljan.
Iż-żewġ artisti rebħu l-festival ta’ Sanremo bil-kanzunetta ‘Brividi’ wara ħames serati l-ġmiel tagħhom mmexxija mill-preżentatur tar-RAI, Amadeus.
Mahmood għolla t-trofew ta’ Sanremo għat-tieni darba u din it-tieni rebħa għamilha fi tliet snin wara li fl-2019 kien rebaħ bil-kanzunetta ‘Soldi’ u li biha ġie fit-tieni post fil-Eurovision li kien sar f’Tel Aviv, l-Iżrael.
Mahmood mhux l-unika kantant li rebaħ Sanremo għal iktar minn darba fi storja ta’ 72 sena ta’ dan il-festival grandjuż.
Pereżempju Domenico Modugno rebaħ il-festival erba’ darbiet, darbtejn minnhom b’mod konsekuttiv.
F’festival li spikkaw diversi kantanti b’orkestra ddoqq fit-teatru Ariston, fit-tielet post ġie Gianni Morandi bil-kanzunetta ‘Apri tutte le porte’ u fit-tieni post ġiet Elisa bil-kanzunetta ‘O forse sei tu’.
Mahmood u Blanco issa għandhom id-dritt li jirrappreżentaw lill-Italja fil-Eurovision Song Contest ta’ Mejju li ġej, li se jsir f’Turin fl-Italja stess, wara r-rebħa ta’ Måneskin.