Mahmood rebaħ id-69 edizzjoni tal-festival ta’ Sanremo.
Il-kantant t’oriġini Eġizzjana rebaħ dan il-festival tant prestiġjuż fl-Italja bil-kanzunetta Soldi.
Il-festival li reġa’ ttella’ fit-teatru Ariston kien ikkontestat minn 24 artist.
Fit-tieni post ġie Ultimo li kien fost il-favorit li jirbaħ il-festival filwaqt li Il Volo, li rebħu Sanremo erba’ snin ilu ġew fit-tielet post.
Ftit ħin wara, Mahmood aċċetta d-dritt li jirrapreżenta l-Italja fil-Eurovision Song Contest.
Il-preżentaturi għal dan il-festival kienu Claudio Baglioni, Claudio Bisio u Virginia Raffaele.
Fost l-artisti ta’ fama internazzjonali li ħadu sehem fis-serata finali kien hemm Eros Ramazzotti u Luis Fonsi.
Il-festival ta’ Sanremo huwa meqjus bħala missier il-Eurovision Song Contest għaliex minn dan il-festival Taljan nibet il-Eurovision li beda fl-Isvizzera fl-1956.
Intant, il-Ministru tal-Intern Taljan Matteo Salvini ma ħax pjaċir u qal li kien jippreferi li kieku rebaħ Ultimo.