Il-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela inawgura magna ġdida tal-mammografija li ser tgħin eluf ta’ pazjenti Għawdxin biex jinqdew f’Għawdex stess.
Il-Ministru Jo Etienne Abela spjega li l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex issa għandu l-aktar magna avvanzata tal-mammografija f’pajjiżna. Qal li din hija parti mill-ħidma tal-Gvern biex jimmodernizza t-tagħmir radjoloġiku, fejn issa ġiet installata din il-magna fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex b’sistema ta’ mammografija Hologic mill-aktar avvanzata. Kompla jispjega li din il-magna taħdem b’teknoloġija moderna li tiskopri kanċer tas-sider fi ftit ħin u fi stadju bikri.
Il-Ministru Abela spjega li din is-sistema avvanzata toffri kwalità tal-immaġni superjuri u kumdità akbar għall-pazjenti. Is-sistema tal-mammografija Hologic 3D toffri l-immaġini tas-sider aktar mgħaġġla u bl-ogħla riżoluzzjoni fi 3.7 sekondi biss b’immaġini ta’ Clarity HD għal dijanjosi tal-leżjonijiet. Se jkun qed jiġi pprovdut ukoll servizz ta’ bijopsiji bl-ultrasound u bir-radjografija, u b’hekk se tkun qed tiġi offruta kura komprensiva tas-sider lir-residenti ta’ Għawdex.
“Il-Gvern ser ikompli jinvesti f’servizzi tal-ogħla kwalità. Kommessi wkoll li nkomplu naħdmu biex noffru servizz tas-saħħa superjuri lill-pazjenti Maltin u Għawdxin”, temm jgħid il-Ministru Abela.