Fil-laboratorju tal-Isptar Mater Dei fejn jittieħdu l-kampjuni tat-testijiet li jsiru fuq il-persuni suspettati bil-Coronavirus, jistgħu jiġu proċessati mat-tmien mitt test kuljum.
Dan hekk kif il-Gvern Malti investa f’apparat robotiku ġdid li ser jgħaġġel il-proċess u joħroġ ir-riżultat wara tliet sigħat biss u jingħata dakhinar stess.
Fl-aħħar jiem, il-medja tat-testijiet f’24 siegħa kienet qed tkun ta’ ftit aktar minn sitt mitt test.
Id-Deputat Prim Ministru u Minsitru għas-Saħħa Chris Fearne żar id-Dipartiment tal-Patoloġġija u qal li Malta hija fost l-ewwel pajjiżi fl-Ewropa li f’din is-sitwazzjoni ta’ pandemija nvesta f’apparat ta’ dan it-tip.
“Dan l-apparat illi għandna ġo Mater Dei huwa apparat sofistikat, jiġifieri jaħdem bir-robotika. Dawk li għamlu dawn l-apparat qed jużawh l-ewwel darba fl-Ewropa kollha ġewwa Malta. Jiġifieri aħna għax konna minn tal-ewwel illi ħsibna għal dawn l-affarijiet qegħdin nibbenefikaw minn din it-teknoloġija ġdida li tfisser nistgħu nagħmlu iżjed testijiet f’inqas ħin qasir u nagħtu riżultati dakhinar stess li tfisser li nistgħu nindunaw minn kmieni jekk persuna tkun infettata”
Il-Ministru għas-Saħħa qal li Malta hija ferm ippreparata għaliex ħasbet minn qabel għal kull eventwalità li ġġib magħha din il-pandemija u żied jgħid li aktar mhu se jsiru testijiet aktar se tiġi kkontrollata l-mewġa ta’ infezzjonijiet.
Dan kollu qed isir f’kuntest li Malta hija t-tielet l-aktar pajjiż fl-Unjoni Ewropea li qed jagħmel testijiet għal Coronavirus, ras għal ras.
“Iktar ma nagħmlu testijiet f’dan l-istadju biex jekk ikun hemm pazjenti infettivi nindunaw bihom u mhux biss nagħtu l-kura lilhom imma nistgħu niżolawhom u nistgħu nwaqqfu milli tinfirex il-Coronavirus ġewwa pajjiżna, iżjed nistgħu nikkontrollaw il-mewġa ta’ infezzjonijiet li tista’ tiġi fuqna.”
Dawn it-testijiet ser ikunu qed isiru fit-tliet ċentri ta’ testjar li hawn f’Malta u f’Għawdex.
Din hija strateġija li ser tkun qed tikkumplimenta l-miżuri l-oħra li ttieħdu fil-jiem li għaddew biex kemm jista’ jkun jieqaf il-kuntatt bejn in-nies u b’hekk it-tixrid tal-virus ikompli jiġi kkontrollat.