It-Tlieta waranofsinhar ġie inawgurat investiment f’magna ġdida magħrufa bħala Bone Density Scanner fir-residenza San Vinċenz de Paul.
Dan waqt konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Ministru għas-Saħħa Jo Etienne Abela u s-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva Malcolm Paul Agius Galea.
Fil-fatt, fl-inawgurazzjoni ta’ dan l-apparat ġdid ġie spjegat kif permezz tiegħu se tkun tista’ titwettaq eżaminazzjoni tad-densità fl-għadam biex jitkejjel il-kontenut mineral fl-għadam tal-persuna.
“Nużawha biex nistabbilixxu risk fractures speċjalment fil-hip u fl-ispine. Jista’ jkollhom konsegwenzi. Minn dawn ir-riżultati li joħorġu mbagħad il-konsulent ikun jista’ jagħti mediċini biex jew isaħħaħ l-għadam jew inkella jnaqqas milli jkompli jintilef il-calcium fl-għadam.”
L-għan huwa li madwar 70 pazjent kull ġimgħa f’San Vinċenz jagħmlu użu minn dan l-apparat.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru Jo Etienne Abela spjega kif dan l-investiment ta’ €84,000 f’dan is-servizz ġdid ser ikun qed jikkumplimenta għadd ta’ servizzi oħrajn li jingħataw f’San Vinċenz fejn minnu se jibbenefikaw mhux biss ir-residenti f’San Vinċenz de Paul, imma wkoll anzjani li jgħixu fi djar tal-anzjani u dawk li għadhom jgħixu fil-komunità.
Il-Ministru Abela saħaq ukoll fuq l-investiment fil-prevenzjoni u kif dan jagħmel tajjeb favur inqas bżonn ta’ trattament ’il quddiem.
“Dan huwa nfieq veru imma huwa investiment għax ħa nerġa’ ngħid, il-formula hija bażika, hija sempliċi, kull ewro li wieħed jinvesti fil-kurja primarja preventiva, dak ħa niffrankaw €8 f’kura u f’terapija.”
Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari Malcolm Paul Agius Galea sostna kif fuq kollox dan huwa investiment favur kwalità ta’ ħajja aħjar għall-anzjani f’pajjiżna.
“Aħna ma rridux dak anzi rridu li l-anzjani tagħna jkomplu jgħixu u jkomplu jgħixu kwalità ta’ ħajja tajba u appuntu dan is-servizz ħa jkun qed jara li dan jista’ jseħħ.”