Magna ġdida li nxtrat għad-Dipartiment tal-Ġinekoloġija fl-Isptar Mater Dei bħal dan iż-żmien sena, naqqset sew il-lista ta’ stennija għat-testijiet li jsiru fuq il-pressa tal-bużżieqa tal-awrina tan-nisa.
Fil-fatt, minn kemm ilha li bdiet tintuża din il-magna minn Mejju tas-sena l-oħra, saru aktar minn mija u erbgħin test.
Din il-magna tintuża fost nisa li jbatu mill-hekk imsejħa, inkontinenza tal-awrina – ħafna drabi minħabba piż żejjed jew wara t-tqala.
Il-konsulenta fid-Dipartiment, Dr Joanna Ghigo spjegat ma’ ONE News kif din il-magna tal-urodynamics tippermetti lit-tobba jaraw kif tkun qed taħdem il-bużżieqa tal-awrina tan-nisa.
Qalet, “Il-Urodynamics isir biex nevalwaw kif tkun taħdem il-bużżieqa tal-pipi f’dawn in-nisa biex nagħrfu liema tip ta’ inkontinenza jkunu jbatu minnha għax hemm diversi tipi ta’ inkontinenza u biex inkunu nafu aħjar kif nindirizzaw il-problema li għandhom u naħdmu biex naslu għal trattament.”
Hija żiedet tgħid kif b’differenza għall-magna li kienet tintuża sa sena ilu, din il-magna l-ġdida qed tgħin sew lill-professjonisti tas-saħħa fid-dijanjożi tal-pazjenti.
Qalet, “Hemm l-avvanzi tat-teknoloġija, anki l-fatt li l-cathaters huma air channels allura għandek inqas skumdità għall-pazjent waqt li jsir it-test u ovvjament anki lilna tagħtina riżultati li huma ħafna iktar ċari u nistgħu nevalwaw ċertu aspetti li bl-avvanzi tat-teknoloġija, qabel ma stajniex nagħmluhom.”
Dr Ghigo appellat biex min iħoss xi sintomi, jersaq ’il quddiem u jagħmel appuntament biex isirlu test ħalli jkun jista’ jieħu l-kura u jevita l-iskumdità.
Qalet, “Ħafna nisa ma jiġux u ma jkellmux lit-tobba dwar din il-problema għax jistħu. L-appell tiegħi huwa li jsibu l-kuraġġ li jitkellmu dwar din il-problema u jfittxu l-għajnuna għax għajnuna teżisti, trattamenti għandna, u nkunu nistgħu ntejbu l-kwalità tal-ħajja tagħhom.”