Il-Qorti ordnat lill-Pulizija jfittxu koppja Maltija madwar Malta kollha biex ikunu avżati jidru quddiem il-Qorti.
Dan wara li l-Pulizija fallilet milli tinnotifika lill-koppja Dimech biex jitilgħu l-Qorti għal għaxar darbiet u għalhekk il-każ ilu jkun pospost minn Frar tas-sena li għaddiet. Carmel Dimech, ta’ ħamsa u tmenin sena , u Josephine Dimech ta’ ħamsa u ħamsin sena minn Ħaż-Żebbuġ qed ikunu akkużati li lura f’ Ottubru tal-2015 heddew u insultaw lis-Sindku ta’ San Pawl il-Baħar u lis-Segretarju tal-Kunsill.
L-Ispettur tal-Pulizija qal lill-Qorti li ma rnexxilhomx isibu lill-koppja kemm fir-residenza reġistrata tagħhom, ta’ binhom u l-anqas fuq il-post tax-xogħol. Xi ħaġa inaċċettabbli għall-Maġistrat Joe Mifsud li kellu kliem iebsa għan-nuqqas tal-Pulizija.
“Sa fejn taf il-Qorti, Carmel Dimech u Josephine Dimech mhumiex Baghdadi tal-Isis, li hu diffiċli ħafna biex issib fejn qed jistaħbew” qal il-Maġistrat Mifsud li ordnalhom ifittxu l-pajjiż kollu.
Il-Maġistrat qal li mhuwiex se jaċċetta li ma ssirx ġustizzja għax ikun għadda ż-żmien tal-preskrizzjoni u wissa’ li jekk dan isir il-Qorti ma teskludix li tfittex lill-Kummissarju tal-Pulizija u l-pulizija li kellhom jagħmlu n-notifika.