Il-Qorti ta’ Għawdex qiset drawwa li meta jkun hemm diskrepanza f’xhieda mill-ewwel isir rapport lill-pulizija biex jittieħdu passi bħala waħda abbużiva. Dan f’sentenza fejn l-akkużat ħareġ illiberat.
Dan il-każ huwa marbut mas-saga li ilha għaddeja snin dwar in-nagħaġ ta’ Ġanni Attard u l-akkużat, Frank Galea, huwa l-Veterinarju tal-Gvern f’Għawdex.
Galea kien akkużat li quddiem il-Qorti ta’ Għawdex xehed falz, iżda meta ġiet biex tiddikjara s-sentenza dwaru l-Qorti qalet hekk: “Il-Qorti terġa’ tieħu l-opportunità biex turi t-tħassib tagħha dwar drawwa fil-Qrati ta’ Għawdex li meta xhud jiddeponi f’kawża u jkun hemm diskrepanzi mill-ewwel isir rapport lill-pulizija biex jittieħdu passi kriminali. Dan huwa abbuż serju ħafna.”
Intqal li qabel jittieħed pass bħal dan trid issir investigazzjoni serja u mhux jinħela l-ħin prezzjuż tal-istess qorti.
“Din il-qorti mhix se tkun parti f’dawn il-piki stupidi u skandalużi fejn persuni jippretendu li jiddetaw huma dak li għandu jsir u jintqal fil-qrati,” intqal fis-sentenza.
Hawn kien hemm dikjarazzjoni ċara oħra. “Il-qorti tappella lill-pulizija biex ma jċedu għall-ebda pressjoni li ssir fil-konfront tagħhom inkluz fil-media. Il-kawżi jkunu deċiżi fil-qrati fuq il-provu u mhux fuq il-mezzi tax-xandir jew il-blogs,” iddikjara l-Maġistrat li qal li l-Parlament għandu jibda jaħseb f’liġi li toffri rimedju lil minn jitressaq għalxejn f’każi bħal dan.