Il-Qorti lliberat Awstraljan li tressaq il-Qorti mixli li iktar kmieni din is-sena weġġa’ żagħżugħ minn Ħal Lija fi stabbiliment f’Paceville.
Iż-żagħżugħ Andrea Degiorgio kien fit-toilets tal-istabbiliment meta ra lil ħabib tiegħu jiġi aggredit minn grupp ta’ ġuvintur u għalhekk mar biex jgħinu.
L-akkużat Wail Rizgalla kien fil-post u meta Degiorgio tbaxxa għax ħass li kien se jaqla’ daqqa ħass xi ħaġa iebsa ma’ wiċċu.
Fil-kommossjoni ma kienx jaf x’inhi eżatt iżda assuma li kienet tazza għax ra l-ħġieġ mal-art. Tul is-smigħ Degiorgio qal li ma kienx ċert li kien Rizgalla li weġġgħu u kkonferma li ma kien ralu xejn f’idu. Bl-akkużat sħansitra jiċħad li kien involut fi ġlieda.
Quddiem in-nuqqas ta’ provi u ċertezza l-akkużat inħeles iżda spikkat it-twissija tal-Maġistrat Aron Bugeja li qal li ċerti stabbilimenti saru qishom post tal-ġlied.
“Campo di Battaglia,” biex nużaw kliemu.