Sebgħin mara b’età medja ta’ 29 sena u li ġejjin minn oqsma diversi tal-ħajja huma l-parteċipanti magħżula għall-programm LEAD.
Programm li wara r-rispons pożittiv li kien hemm għalih se jkun qed jitħaddem b’żewġ gruppi; wieħed li jibda f’Ottubru li ġej u ieħor li jibda f’Marzu tas-sena d-dieħla. Kull programm idum sena.
Dawn id-dettalji ngħataw f’konferenza tal- aħbarijiet fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista.
Il-koordinatur tal-programm u Membru tal-Parlament Ewropew, Miriam Dalli, tkellmet dwar l-impenn tal-Partit Laburista li jindirizza l-isfida reali tan-nuqqas ta’ nisa fil-politika.
Impenn li jikkuntrasta mal-attitudni tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia li fl-aħħar jiem iddeskriva inizjattivi bħal dawn bħala konvenjenza politika.
“Jekk ma jirrealizzax li hemm problema aħseb u ara kemm se jsolviha,” qalet Miriam Dalli li spjegat kif il-Partit Laburista huwa l-uniku moviment li lest jindirizza din l-isfida.
Is-Segretarju tal-Eżekuttiv tal-Partit Laburista, Lydia Abela, li mexxiet il-bord tal-għażla tkellmet dwar l-għażla diffiċli tal-bord li quddiemu kellu bosta nies ta’ talent.
Il-parteċipanti spikkaw ukoll meta kienu mitluba jfasslu tliet inizjattivi għall-pajjiż. Inizjattivi li jistgħu jkunu żviluppati bħala parti mill-programm.
Deborah Schembri rrimarkat kif permezz ta’ dan il-programm il-Partit Laburista u d-dinja politika se jkunu saru jafu nies ġodda li ma kienux jafu qabel u li se jkunu kisba kbira għas-sistema politika Maltija.