Is-Segretarjat Parlamentari għall-Biedja, Sajd u Drittijiet tal-annimali iħabbar li wara proċess ta’ sejħa pubblika, ġie magħżul l-operatur tal-ewwel ċimiterju tal-annimali f’Malta.
Dan il-proġett, li kien parti mill-programm elettorali ta’ dan il-gvern, se jsir fuq tomna art f’Ta’ Qali limiti ta’ Ħ’Attard, fl-inħawi magħrufa bħala Ta’ San Ġakbu. Hu se jkun pass biss ’il bogħod miċ-Ċentru San Franġisk u minn fejn jarma s-Suq tal-Bdiewa.“Ilkoll nafu l-ġibda li jkun hemm bejn kelb jew qattus u sidu meta dawn jgħixu taħt l-istess saqaf għal numru ta’ snin. L-għan tagħna jibqa’ li jkun hemm rispett lejn id-drittijiet tal-annimali meta dawn ikunu ħajjin, imma issa nistgħu ntuhom id-dinjità li tixirqilhom f’mewthom ukoll,” qal is-Segretarju Parlamentari Roderick Galdes fl-ewwel reazzjoni tiegħu.
L-operatur il-ġdid għandu sena żmien minn meta jiffirma l-kuntratt biex jibni u jlesti dan il-proġett.
Il-proġett se jkun qed isegwi l-istandards Ewropej bil-fdalijiet tal-annimal jiġu inċinerati u jitqiegħdu f’waħda mill-urni taċ-ċimiterju. Il-pubbliku se jkollu wkoll l-għażla li minflok, jieħu l-irmied tal-annimal f’vażett apposta miegħu lura d-dar.