Fi tmiem il-ġimgħa saru żewġ programmi oħra ta’ tiġrijiet fejn l-aktar mistennija bla dubju kienu iż-żewġ semi finali tal-BOV Tazza l-Kbira li minnhom saru magħrufa t-tnax il-finalista ta’ dan l-akbar unur għat-tiġrijiet lokali. L-emozzjonijiet ma naqsux fejn kellna wkoll sorpriżi hekk kif żwiemel mill-aktar iffansjati u li kienu mpressjonaw fil-fażi tal-heats ma rnexxielhomx jikkwalifikaw.
L-ewwel semi finali intrebħet minn Sandsjons Revenue li misjuq minn Charles Camilleri ħa t-tielet rebħa tas-sena fejn ukoll irreġistra l-aħjar ħin mit-tiġrijiet kollha. Fit-tieni semi finali kien Axel Tilly li ħareġ rebbieħ fejn irreġistra it-tieni rebħa konsekuttiva tiegħu misjuq minn Julian Farrugia.
Tiġrija oħra mistennija kienet il-Finali tat-Tazza San Franġisk għall-Klassi Copper fejn din ukoll kellha tmiem eċitanti u sorpriża bir-rebbieħa tkun id-debba Divonne misjuqa minn sidha stess Steve Grixti fejn kienet qed tirbaħ għall-ewwel fil-karriera tagħha. Steve Grixti kien ukoll qed jirreġistra l-ewwel rebħa tiegħu bħala ġerrej.
Il-poloz tal-finali tal-BOV Tazza l-Kbira issa jitilgħaw mis-sidien stess waqt konferenza stampa it-Tlieta wara nofsinhar.
Ritratt: Alex Azzopardi