Riċentament, il-Federazzjoni Maltija taċ-Ċess ikkonkludiet il-kampjonati tant mistennija tal-Blitz u Rapid għas-sena 2023. Iż-żewġ kampjonati kienu ta’ suċċess, hekk kif attiraw numru sabiħ ta’ parteċipanti li issieltu kontra l-ħin restritt għat-titli ta’ din is-sena ta’ Malta Blitz Champion u Malta Rapid Champion.
Malta Open Blitz Championship 2023
Il-Kampjonat tal-Blitz intlagħab fis-17 ta’ Settembru 2023, fejn kien hemm il-parteċipazzjoni ta’ 33 plejer. Dawn kellhom jilgħabu l-logħob tagħhom fil-ħin qasir ta’ 3 minuti, biż-żieda ta’ żewġ sekondi biss għal kull mossa, tul il-logħba kollha. Il-kampjonat, li kien rikonoxxut u rated uffiċjalment mill-FIDE, kien spazju fejn intlagħbu diversi logħob interessanti u eċċitanti tul id-9 rounds.
Ir-rebbieħ finali u Champion tal-Blitz għal din is-sena huwa ż-żgħażugħ ta’ sbatax-il sena, Jack Mizzi, li issa din tiġi t-tieni sena infila tiegħu bħala Blitz Champion. Din is-sena, Mizzi iddomina l-kampjonat, hekk irnexxielu jġib riżultat perfett billi rebaħ il-logħob kollu tiegħu.
Matthias Gatt ukoll kellu kampjonat eċċellenti, hekk kif spiċċa fit-tieni post b’total ta’ 7.5 punti. Jake Darmanin ħa t-tielet post b’7 punti. Gabriel Grech, frisk mill-esperjenza pożittiva tiegħu internazzjonali fil-European Youth Chess Championships (EYCC) rebaħ l-aħjar plejer fil-kategorija ta’ taħt is-sittax-il sena (U16) b’4.5 punti. Ir-riżultati kollha u iktar informazzjoni tinstab hawnhekk: https://chess-results.com/tnr806963.aspx?lan=1&art=1&rd=9
Malta Open Rapid Championship 2023
Parteċipazzjoni ikbar kienet irreġistrata għal Kampjonat tar-Rapids imniegħdi mill-Federazzjoni Maltija taċ-Ċess fit-tmiem il-ġimgħa tat-23 u l-24 ta’ Settembru. Il-kampjonat li wkoll kien FIDE rated, kien maqsum fuq 8 logħbiet, bil-limitu tal-ħin din id-darba jkun ta’ 10 minuti għal kull avversarju, flimkien mal-addizzjoni ta’ 5 sekondi ma’ kull mossa għal-logħba sħiħa.
Robert Novak kien ir-rebbieħ finali, u b’hekk jieħu t-titlu ta’ Maltese Rapid Champion għal din is-sena. Novak spiċċa l-kampjonat mingħajr ebda telfiet, b’riżultat finali ta’ 7 punti, li kienu jikkonsistu minn 6 rebħiet u 2 draws,
Tugay Colak mit-Turkija, spiċċa fit-tieni post fuq 6.5 punti, filwaqt li Jack Mizzi ħa t-tielet post fuq 6 punti. Ukoll fuq 6 punti kien hemm Conrad Thake, Onurcan Pala u Jake Darmanin, li tilfu ċ-ċans li jikklassifikaw mal-ewwel tlieta bi żbrixx minħabba t-tiebreaks.
L-aqwa plejer fil-kategorija ta’ taħt is-sittax-il sena (Best U16) kien Thomas Falzon b’riżultat ta’ 5 punti, filwaqt li Elena Ghitza rebħet il-kategorija tal-Best Female. Ir-riżultati u l-informazzjoni kollha tinstab hawnhekk: https://chess-results.com/tnr806974.aspx?lan=1&art=1&rd=8&flag=30
Dan il-kampjonat ġie organizzat f’kollaborazzjoni ma’ SportMalta, bħala parti mill-BeActive sports week.