It-Tnejn wara nofsinhar, waqt konferenza stampa li saret il-Malta Equidrome, saru magħrufa n-numri li bihom tnax-il żiemel se jkunu qed jipparteċipaw fl-edizzjoni ta’ din is-sena tat-Tazza tal-President li għar-raba’ sena konsekuttiva qed issir bis-sostenn ta’ EquestriMalta, l-Awtorità li tirregola l-isport ekwestri f’Malta.
Hekk kif il-Ħadd inġrew iż-żewġ semi finali u b’hekk saru magħrufa t-tnax-il finalist ta’ din is-sena, kien imiss li wieħed ikun jaf b’liema numru wara l-karozza tat-tluq se jkun qed jipparteċipa.
Bħal ma hi t-tradizzjoni huma s-sidien stess li jagħżlu n-numri u mhux il-polza bħal ma jiġri f’kampjonati oħra.
Preżenti għall-konferenza stampa kien hemm is-sidien taż-żwiemel finalisti li ġew indirizzati mill-viċi chairman u l-kap eżekuttiv ta’ EquestriMalta, Dean Hili u Max Zammit rispettivament, kif ukoll il-viċi chairman tal-Malta Racing Club Anthony Demanuele u l-kap eżekuttiv tal-Malta Equidrome Matthew Brincat.
Max Zammit ħabbar li kien ta’ pjaċir li l-awtorità regolatorja tal-isport ekwestri, EquestriMalta, qed tabbina isimha għar-raba’ darba konsekuttiva ma’ din it-tazza prestiġjuża u filfatt din is-sena l-premju għar-rebbieħ se jkun ta’ €4500 l-istess bħal dak li din is-sena ingħata lir-rebbieħ tal-aqwa unur it-Tazza l-Kbira.
Minn naħa tiegħu Dean Hili qal li l-għan ta’ EquestriMalta hu li jpoġġi l-isport ekwestri fuq il-kalendarju nazzjonali u mhux dak sportiv biss speċjalment b’kompetizzjoni bħal ma hi t-Tazza tal-President li magħha ġġorr ukoll l-iskop filantropiku li jinġabru fondi għall-Malta Community Chest Fund Foundation – għan li kien ġie abbinat ma’ din it-Tazza ħafna snin ilu.
Huwa tenna billi appella għall-ġenerożità ta’ kullħadd biex jinġabru fondi għal dan l-għan nobbli.
Anthony Demanuele minn naħa tiegħu spjega kif kompetizzjonijiet bħal dawn jitolbu l-kollaborazzjoni tat-tliet entitajiet involuti fit-tiġrijiet taż-żwiemel lokali fejn kull wieħed għandu rwol sabiex l-avveniment ikun suċċess.
Matthew Brincat qal li għall-Malta Equidrome huwa ta’ unur li se jkun qed jospita għal darb’oħra dan l-avveniment li jiġbor fih l-aqwa żwiemel tal-mument u huwa unur akbar li se jkunu qegħdin jilqgħu lill-Eċċellenza Tagħha l-President ta’ Malta Myriam Spiteri Debono li mistennija tkun preżenti waqt din il-finali.
Il-kelliema kollha spiċċaw id-diskorsi tagħhom billi awguraw lis-sidien u s-sewwieqa kollha li se jkunu qed jipparteċipaw f’din il-finali li se ssir il-Ħadd 27 t’Ottubru.
Wara d-diskorsi, s-sidien esprimew l-għażla tan-numri għaż-żwiemel tagħhom, liema għażla saret fl-ordni ta’ prestazzjoni u ħin imwettaq fis-semi finali tal-Ħadd.
- AKELA PLAY (Charles Degiorgio)
- FORMI (Joe Schembri)
- VELVET GIO (Rodney Gatt)
- FRAPPE FORT (Marius Mizzi)
- DIABLO D’HERFRAIE (Michael Ellul)
- ELLINGTON DREAM (Cherise Farrugia)
- WHOTHEHILLAREYOU (Anthony Demanuele)
- CAID SLY (Anthony Scicluna)
- DISCO D’OCCAGNES (Redent Magro)
10.CHARMING SOLDIER (Paul Galea) - FARFARS DREAM (Carl Caruana)
- DOUGLAS DU PONT (Ludvic Ghigo)