“Għalina Malta l-ewwel dejjem u ffukati li nibqgħu nwettqu l-pjan li tridu intom għal pajjiżna.”
Dan kien messaġġ ewlieni li għadda l-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela f’attività politika sabiħa f’Ħaż-Żabbar bit-tema ‘Is-Saħħa lill-Maltin’.
Quddiem folla mdaqqsa li ħonqot il-venda ta’ Ħaż-Żabbar, il-Prim Ministru tkellem fuq l-għaqda mhux biss fuq livell ta’ partit iżda anki fuq livell ta’ pajjiż.
“Nerġa’ niġi hawn u nitlobkom dik il-ħaġa waħda li tlabtkom dejjem, li nibqgħu magħqudin bħala pajjiż wieġed, magħqudin bħala pajjiż wieħed. Tħallux lil min jipprova jifridna. Pajjiżna jibqa’ b’saħħtu meta jkun magħqud u meta naħdmu għal xulxin b’imħabba lejn u għal pajjiżna. Araw għalihom il-kilba għall-poter l-ewwel. Għalina Malta l-ewwel u Malta l-ewwel u qabel kollox.”
Robert Abela – Prim Ministru
Il-Prim Ministru saħaq li l-kampanja tal-Partit Laburista, ‘Is-Saħħa lill-Maltin’, tfisser li bħala pajjiż nibnu fuq il-kisbiet li qed jagħmel pajjiżna u nagħmlu aktar.
Dr Abela semma kif fl-ewwel mandat li ngħatalu, il-poplu ta fiduċja f’elf proposta biex jitwettqu elf kisba li qed jiġu implimentati kollha.
Il-Prim Ministru semma wkoll l-aħħar laqgħa tal-Kabinett li saret man-nies, bit-tema tal-ekonomija, fejn investituri tkellmu dwar l-istabbiltà li jsibu f’pajjiżna u dwar kif bit-tkabbir li qed jaraw, se jimpjegaw aktar nies.
Il-Prim Ministru qal li elezzjoni jew mhux, il-familji għandhom jistennew aħbarijiet b’saħħithom fil-qasam soċjali u f’appoġġ akbar lill-familji.
Hawn semma ċ-ċekk lill-ħaddiema li rċevew kull sena. F’din l-inizjattiva biss, fuq medda ta’ seba’ snin, il-familji rċievew €130 miljun għall-bżulija tagħhom.
“Elezzjoni u mhijiex dak iċ-ċekk irċevejtuh kull sena. Elezzjoni u mhijiex aħna dejjem magħkom u warajkom.”
Robert Abela – Prim Ministru
Dr Abela semma wkoll aktar għajnuna permezz tal-mekkaniżmu addizzjonali għall-għoli tal-ħajja u l-miżura li ħa tibda minn din is-sena, dik ta’ għotja ta’ €1,500 għall-ġenituri li wliedhom baqgħu jistudjaw wara l-edukazzjoni obbligatorja.
Il-Prim Ministru temm jgħid li quddiem elezzjoni, irridu naħdmu ponn wieħed biex nagħtu s-Saħħa lill-Maltin.
“Magħqudin, magħqudin bħala pajjiż, maqgħudin għax għandna pjan għal pajjiżna li rridu nibqgħu inwettquh. Inwettquh għax triduh intom. Magħqudin ponn wieħed. Se nkomplu nagħtu s-saħħa liż-Żabbarin, is-saħħa lill-Għawdxin, is-saħħa lill-Maltin.”
Robert Abela – Prim Ministru