F’attività politika f’Ħal Kirkop, il-Prim Ministru u l-mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela tenna li Gvern Laburista huwa ffukat fuq it-tmexxija tal-pajjiż. Dan minkejja l-attakki u t-tfixkil li qiegħed isir mill-Oppożizzjoni Nazzjonalista biex itelfu dan il-progress.
Fil-fatt, hawn Dr Abela spjega li din il-ġimgħa stess, il-Qorti ċaħdet kawża tal-eks Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Pawlu Borg Olivier li fetaħ kontra l-Prim Ministru, il-Ministru għall-Intern Byron Camilleri u l-Brigadier tal-Armata, għal dak li deherlu li l-Armata ma salvatx immigranti li kienu fuq il-baħar.
Hawn il-Prim Ministru spjega li din l-azzjoni legali ma saritx għaliex l-establishment Nazzjonalista għandu intenzjoni ġenwina, imma saret biex tfixkel il-progress li qiegħed jagħmel pajjiżna.
“Qalu li vera tilfu l-kawża imma l-Gvern rebaħa qalu fuq punt tekniku. Dak il-punt tekniku li ddeċediet il-Qorti propju jikkonferma kemm użaw l-immigranti, kemm ikkapitalizzaw mill-immigranti biex jimminaw u jagħmlu ħsara lill-Gvern. Hekk jaħdem l-establishment tal-Partit Nazzjonalista.”
Il-Prim Ministru Abela spjega li quddiem dawn l-attakki u oħrajn simili, mhux biss se jiddefendi l-pożizzjoni favur Malta, iżda aktar minn hekk se jibqa’ jippromwovi dak li jemmen fih.
Hawn il-Prim Ministru tenna li l-Gvern Laburista se jibqa’ ffukkat fuq il-ħidma favur il-pajjiż.
“Issa tafu għaliex qed jagħmluhom u jużaw dawn it-tip ta’ tattiċi, jagħmluhom biex mingħalihom jisfokawna mill-ħidma tagħna biex inmexxu ’l quddiem dan il-pajjiż. La rnexxilkom qabel, la se jirnexxilkom illum u lanqas se jirnexxilkom għada”.
Il-Prim Ministru Robert Abela qal li dak kollu li jsir mill-Gvern imexxi minnu huwa mmirat lejn il-ġid komuni li minnu tgawdi s-soċjetà kollha. Ġid komuni li huwa possibbli wkoll minħabba kompetenza fit-tmexxija tal-finanzi pubbliċi tal-pajjiż.
Dan b’differenza għall-Partit Nazzjonalista, li ftit tal-jiem ilu kompla jiġi kkonfermat li baqa’ ma żammx mal-obbligi tiegħu bil-liġi u jissottometti rapporti finanzjarji importanti lill-Kummissjoni Elettorali.
“Ara huma, lanqas il-finanzi tal-Partit tagħhom stess mhuma kapaċi jmexxu. Issa smajtuha mill-Kummissjoni Elettorali stess. Sentejn ilha tiġri warajhom il-Kummissjoni Elettorali biex jippubblikaw il-kontijiet tal-finanzi tal-partit tagħhom. Ma jridux, jaħbu iridu. Imbagħad bil-wiċċ tost kollhu jitkellmu dwar il-governanza tajba. Mhux ta b’xejn qatt ma riduha l-Liġi tal-Finanzjament tal-Partiti u konnha aħna li daħħalniha”.
Intant il-Prim Ministru temm id-diskors tiegħu billi rrimarka l-prinċipju tal-għaqda u l-pożittività li jħaddan il-Partit Laburista b’differenza mill-Partit Nazzjonalista.
“Jekk huma negattivi aħna nibqgħu pożittivi, jekk huma qalbhom maqtugħa jien bikom warajjha għandi kuraġġ ta’ sur. Jekk huma mifrudin aħna magħqudin qaqoċċa flimkien. Maqgħudin fl-imħabba lejn pajjiżna.”