F’diskors Parlamentari li mmarka l-ewwel mitt jum ta’ din l-erbatax-il leġiżlatura, il-Prim Ministru Robert Malta sostna li dan il-Gvern irid jaħdem aktar minn qatt qabel biex ikompli jkabbar l-ekonomija ta’ pajjiżna.
Dr Abela qal dan hekk kif irrimarka dwar is-sitwazzjonijiet tal-pandemija u l-gwerra fl-Ukrajna li kkaratterizzaw ħafna mill-ħidma tal-Gvern f’dawn l-ewwel ġimgħat tal-leġiżlatura.
Sostna li l-għajnuna lin-nies tibqa’ garanzija biss jekk jibqa’ jkollna ekonomija b’saħħitha u li trendi.
Qal, “M’għandniex xi ngħidu li l-pandemija fuq naħa u l-gwerra fuq naħa oħra – żewġ ġrajjiet goffi u kbar li jħallu l-marka u l-effetti negattivi. Mument li żgur irridu naħdmu aktar minn qatt qabel biex inkabbru l-ekonomija tagħna għaliex huwa b’dak it-tkabbir ekonomiku biss li nistgħu nkomplu ngħinu bis-saħħa lin-nies kif qed nagħmlu llum.”
Il-Prim Ministru sostna li dan kien wieħed mill-prinċipji li ggwida lill-ħidma tal-Gvern li permezz tagħha l-art taż-Żonqor u f’Bormla se tingħata lura lin-nies.
Il-Prim Ministru aċċenna wkoll għall-vot kontra tal-Oppożizzjoni, li jkompli juri inkonsistenza fit-twettie tal-politika tagħha.
Tenna, “Ħlief jgħidu “tqatta’ l-kuntratt, jixħtu lil dak l-investitur ’il-barra”… u mela l-affarijiet jimxu hekk? Trid tiddeċiedi l-Oppożizzjoni: jew għandna pajjiż li huwa impenjat madwar ir-rule of law u s-saltna tad-dritt, fejn il-kuntratt huwa l-liġi tal-partijiet, jew għandna pajjiż li meta jiftillu l-Gvern iqatta’ l-obbligi kuntrattwali li huwa marbut bihom u jixħet l-investituri li jidhirlu hu ’l-barra.”
Fid-dawl tar-rilokazzjoni tal-American University of Malta fi Smart City, il-Prim Ministru Robert Abela qal li l-Gvern se jesiġi li l-obbligi kuntrattwali jiġu onorati.
Madankollu, irrimarka kif din il-ħidma sfiqa mill-Gvern hija għal kollox differenti minn dik tal-Oppożizzjoni, li fuq materja politika ma tafx fejn qiegħed magħha u lanqas hi magħha nfisha.
Stqarr, “Ara, Sur President, x’rajna quddiemna f’din l-aħħar ġimgħa. Leġiżlatura li reġgħet bdiet bil-konfużjonijiet tal-Oppożizzjoni. Oppożizzjoni li ma tafx mhux biss fejn qiegħed magħha imma hi ma tafx fejn hi magħha nfiha.”
Dr Abela temm jgħid li l-kelma tiegħu mal-poplu Gvern Laburista baqa’ jżommha, u hekk se jibqa’ jagħmel.
Qal, “Tajt kelma lil poplu tagħna li fl-ewwel mitt jum inkunu qed nagħmlu dan, u hawn qegħdin illum. Tajt kelma wkoll lill-poplu li fl-ewwel mitt jum se nkunu qed nemendaw il-liġijiet tal-IVF, u llum nieħdu l-vot finali dwarhom biex aktar persuni jkunu jistgħu jsiru ġenituri. Jgħidu, Sur President, li l-ġurnata minn filgħodu turik. Aħna qed nuru fl-ewwel ġimgħat ta’ dan il-mandat ġdid li magħna se tkunu tibqgħu tafu fejn qegħdin.”