Fuq perjodu ta’ sitt snin, il-Maltin tejbu b’mod sinifikanti l-għarfien dwar kif jamministraw il-finanzi tagħhom, inkluż biex jippjanaw għal meta jirtiraw.
Fil-fatt stħarriġ, li sar mill-Organizzazzjoni għall-Iżvilupp u l-Koperazzjoni Ekonomika, l-OECD, fost aktar minn elf resident Malti ta’ bejn it-18 u d-79 sena, wera li aktar Maltin illum iħossuhom fiduċjużi li għamlu xogħol tajjeb biżżejjed biex jipprovdu għall-irtirar tagħhom milli kienu sa ftit ta’ snin ilu.
Kienu biss 12% li qalu li m’għandhomx pjan finanzjarju għall-irtirar tagħhom, meta fl-2018 kien hemm mal-45% li qalu dan.
Id-dettalji dwar litteriżmu finanzjarju, skont l-OECD, ingħataw f’konferenza mill-iskema ĠEMMA, li taqa’ fi ħdan il-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet għat-Tfal.
Il-Ministru responsabbli, Michael Falzon, saħaq kemm hu importanti li Malta tikkopera ma’ għaqdiet internazzjonali, bħalma hi l-OECD, u l-importanza li nibqgħu ninvestu fil-kapaċità tal-poplu li jagħraf tajjeb kif jindokra ġidu.
“L-ewwel nett hu importanti li jkollna konferenzi bħal dawn, importanti li nikkoperaw ukoll m’għaqdiet internazzjonali bħalma hi l-OECD. Ovvjament mill-istudju ħareġ ritratt tal-pożizzjoni ta’ pajjiżna u, aktar minn kollox, tal-kapaċità tagħna bħala nazzjon li nkunu kapaċi nmexxu tajjeb il-finanzi tagħna. Hi xi ħaġa li hi essenzjali, hi xi ħaġa li investejna fiha, u hi xi ħaġa li rrid ninvestu aktar fiha … mhux lanqas minħabba realtajiet demografiċi li qed niffaċċjaw partikolarment fl-Ewropa.”
Min-naħa tagħha, it-team leader ta’ ĠEMMA, Helena Holland, spjegat l-importanza tal-inizjattiva f’dan ir-rigward.
“Ġemma hi inizjattiva dwar il-ħiliet finanzjarji, financial capability, financial literacy – dak kollu li hu marbut mal-landscape tal-finanzi, money management, u affarijiet oħrajn.”
Hi spjegat wkoll ix-xogħol ta’ ĠEMMA u kemm hu importanti li ċ-ċittadini ta’ diversi etajiet u bżonnijiet differenti dwar il-kapaċità finanzjarja li wieħed għandu jkollu.
“Isir xogħol minn tim u anke ma’ stakeholders oħrajn fejn nipprovaw ngħallmu liċ-ċittadini tagħna ta’ etajiet differenti u ta’ bżonnijiet u ħiliet differenti, affarijiet dwar financial capability, jiġifieri pereżempju nagħtu taħriġ għal min qed jitħajjar isir self-employed, taħriġ qasir ikun taster – SME training. Nagħmlu sessions oħrajn u taħriġ anke forsi għal nies vulnerabbli, għal gruppi oħrajn, u nidħlu fl-iskejjel, permezz ta’ SkolaSajf”.
Tħabbar ukoll, waqt li il-konferenza, li issa, permezz ta’ dawn ir-riżultati tal-OECD, se tkun tista’ titfassal strateġija ġdida tal-litteriżmu finanzjarju għal pajjiżna li tibda tapplika mill-2026 ’il quddiem.